Futbol Sport

Arsenal isalvaw punt kontra Chelsea bi plejer nieqes … Newcastle jiksbu punt b’żewġ gowls f’żewġ minuti

(Ritratt: EPA)

Gowl tad-difensur Hector Bellerin ta punt prezzjuż lil Arsenal kontra r-rivali Chelsea fi draw ta’ 2-2 fi Stamford Bridge. Il-punt għal Arsenal hu importanti hekk kif għamlu aktar minn siegħa b’raġel anqas wara li tkeċċa d-difensur David Luiz. Il-Brażiljan waqqa’ lil Tammy Abraham fil-kaxxa fis-26 minuta hekk kif Chelsea kienu se jiskorjaw wara żball ta’ Shkodran Mustafi. Mill-penalty Jorginho fetaħ l-iskor favur Chelsea.

Arsenal ġabu d-draw fit-63 minuta b’ħarba mill-isbaħ taż-żagħżugħ Gabriel Martinelli li ħa vantaġġ ukoll miż-żelqa ta’ N’Golo Kante qabel għeleb lil Kepa Arrizabalaga. Frank Lampard ħaseb li t-tim tiegħu se jirbaħ il-logħba wara li l-captain Cesar Azpilicueta poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ fl-84 minuta meta mattar siequ biex għeleb lil Bernd Leno. Iżda tliet minuti wara, Bellerin għeleb lil Arrizabalaga b’xutt bix-xellug minn tarf il-kaxxa.

Manchester City kisbu rebħa diffiċli ta’ 1-0 kontra Sheffield United fi Bramall Lane. Il-gowl uniku kien skorjat fit-73 minuta meta Sergio Aguero kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross preċiż ta’ Kevin de Bruyne.

Everton tilfu rebħa minn ħalqhom wara draw ta’ 2-2 kontra Newcastle f’Goodison Park. Moise Kean fetaħ l-iskor wara nofs siegħa b’konklużjoni fil-baxx, biex iż-żagħżugħ l-ieħor Dominic Calvert-Lewin irdoppja fl-54 minuta wara li rċieva mingħand Lucas Digne. Florian Lejeune naqqas id-distakk fl-94 minuta, bl-istess plejer iġib id-draw anqas minn żewġ minuti wara f’azzjoni konfuża.

Aston Villa kisbu riżultat prezzjuż wara rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Watford f’Villa Park. Troy Deeney kien poġġa lil Watford minn fuq fit-38 minuta iżda Douglas Luiz ġab id-draw fit-68 minuta, biex fid-90 minuta xutt mid-distanza ta’ Ezri Konsa kien imxellef minn Tyrone Mings u baqa’ dieħel fix-xibka.

Southampton komplew il-kampjonat pożittiv tagħhom b’rebħa ta’ 2-0 kontra Crystal Palace f’Selhurst Park. Nathan Redmond fetaħ l-iskor fit-22 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq, b’Stuart Armstrong jirdoppja fit-48 minuta b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa.

Rebħa importanti għal Bournemouth wara li fil-Vitality Stadium rebħu 3-1 kontra Brighton. Harry Wilson fetaħ l-iskor fis-36 minuta u awto-gowl ta’ Pascal Gross ħames minuti wara għamel l-iskor 2-0. Callum Wilson skorja t-tielet gowl fl-74 minuta qabel Aaron Mooy naqqas id-distakk fil-81 minuta.

Premier League

Illum: Aston Villa v Watford 2-1, Bournemouth v Brighton 3-1, Chelsea v Arsenal 2-2 Crystal Palace v Southampton 0-2, Everton v Newcastle 2-2, Sheffield United v Manchester City 0-1

Għada: Leicester v West Ham 8.30pm, Tottenham v Norwich 8.30pm, Manchester United v Burnley 9.15pm

Il-Ħamis: Wolves v Liverpool 9.00pm