Internazzjonali

Ċina: Sentenza ta’ ħabs lill-eks Kap tal-Interpol

Eks Kap tal-Interpol akkużat dwar tixħim ingħata sentenza ta’ 13-il sena u nofs ħabs minn qorti Ċiniża.

Is-sentenza għal Meng Hongwei — li kien l-ewwel Kap Ċiniż tal-entità tal-pulizija internazzjonali – kienet ikkonfermata aktar minn sena wara li hu sparixxa waqt vjaġġ li kien qed jagħmel fiċ-Ċina ( u wara li kien telaq għal hemm minn Franza) f’Settembru tal-2018.

L-awtoritajiet Ċiniżi, wara, ikkonfermaw li Meng kien qed jinżamm taħt arrest bħala parti mill-kampanja tal-President taċ-Ċina, Xi Jinping, kontra l-korruzzjoni.

Intant, Meng, li għandu 56 sena, ammetta li kien aċċetta ‘il fuq minn żewġ miljun dollar Amerikan f’tixħim. Il-Qorti tal-Poplu li proċessatu fil-muniċipalità ta’ Tianjin, fl-istess ħin, ordnat biex l-eks Kap tal-Interpol iħallas multa ekwivalenti għal madwar 290,000 dollaru.

L-istqarrija tal-qorti sostniet li Meng Hongwei mhux se jappella minn dan il-verdett.