Lokali Qorti Qtil Politiku

Degiorgio jitlob spjegazzjoni dwar l-interċetazzjoni tal-mowbajl

Jisħaq li l-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà għandu jwieġeb

George Degiorgio, wieħed mill-akkużati bl-assassinju brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia talab lill-Qorti sabiex tordna lill-Kap tas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà, Joseph Bugeja, biex jispjega jekk kienx inħareġ mandat biex ikun jista’ jibda jiġi interċettat il-mowbajl tiegħu.

George Degiorgio, li flimkien ma’ ħuh Alfred u Vince Muscat huma akkużati li poġġew u attivaw il-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia, ressaq applikazzjoni fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġuriżdizzjoni tagħha bħal Qorti Kostituzzjonali, u li fiha spjega kif fl-aħħar seduta, l-Ispettur Keith Arnaud xehed kif ma kienx jaf jekk il-mowbajl ta’ Degiorgio kienx interċettat qabel inħareġ mandat.

L-applikazzjoni tgħid ukoll li aktar tard fl-istess smigħ, Arnaud qal lill-Qorti li l-mandat ħareġ fi Frar tal-2017 b’konnessjoni ma’ “reat ieħor,” jiġifieri mhux b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia, li seħħ wara.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għal Degiorgio, staqsa lil Bugeja jekk kienx hemm mandat kontra Degiorgio b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Bugeja ma weġibx din il-mistoqsija fil-kawża li kienet għaddejja.

Għaldaqstant minħabba n-nuqqas ta’ tweġiba, Degiorgio ppreżenta din l-applikazzjoni u qed jisħaq li t-tweġiba għall-mistoqsija li għamel l-Avukat Cuschieri hija pertinenti ħafna għall-każ.

“Ma hemm xejn fil-liġi li twaqqaf xhud milli jwieġeb il-mistoqsija,” tkompli tgħid l-applikazzjoni. Kien għalhekk li Degiorgio qed jitlob lill-Qorti biex tordna lil Bugeja biex iwieġeb din il-mistoqsija li saritlu.