Futbol Sport

Giovanni Tedesco jitkeċċa minn kowċ ta’ Gżira United

(Ritratt: Martin Agius)

It-telfa tal-Ħadd li għadda kontra Santa Lucia, kienet l-aħħar logħba ta’ Giovanni Tedesco bħala kowċ ta’ Gżira United wara deċiżjoni tal-klabb. Tedesco kien ingħaqad mal-klabb f’Mejju li għadda u ffirma kuntratt ta’ tliet snin.

Tedesco se jħalli lil Gżira United fir-raba’ post fil-kampjonat, punt taħt Valletta, tnejn taħt Hibernians u sitt punti bogħod minn Floriana li jinsabu fil-quċċata. Fl-aħħar sitt logħbiet fil-kampjonat, Gżira tilfu tliet logħbiet. Huma kienu eliminati mill-FA Trophy f’Novembru li għadda minn Senglea Athletic. Fost il-favoriti biex jieħdu t-tmexxija tat-tim hemm Paul Zammit.

Minkejja dan, Tedesco se jibqa’ mniżżel fl-istorja tal-Maroons wara li f’Lulju li għadda mexxa lit-tim għal rimonta mill-aqwa biex Gżira eliminaw lil Hajduk Split fil-Kroazja u għall-ewwel darba qabżu rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Giovanni Tedesco sar wiċċ sinonimu mal-futbol lokali. L-ewwel esperjenza tiegħu f’pajjiżna kienet fl-istaġun 2014/2015 ma’ Floriana fejn wassalhom sal-ħames post. Fl-istaġun ta’ wara, Tedesco ngħaqad ma’ Birkirkara iżda spiċċa mill-kariga f’Diċembru tal-2015. Wara esperjenza ma’ Palermo fl-Italja, Tedesco rritorna f’pajjiżna ma’ Floriana fl-istaġun 2016/2017 fejn reġa’ wassalhom sal-ħames post u mexxa lil Floriana għar-rebħ tal-FA Trophy.

Hu beda l-istaġun 2017/2018 iżda rriżenja f’Diċembru 2017, biex fil-bidu tal-istaġun li għadda nħatar kowċ ta’ Ħamrun Spartans u wassalhom sar-raba’ post fil-kampjonat. Ir-relazzjoni tat-Taljan ta’ 47 sena mal-Ħamruniżi ntemmet ħesrem f’Mejju li għadda biex beda l-esperjenza ma’ Gżira, f’dak li kien ir-raba’ klabb tiegħu f’pajjiżna.