L-ogħla mexxejja taċ-Ċina wissew lill-uffiċjali f’diversi setturi tal-pajjiż biex ma jippruvawx jaħbu l-firxa tal-virus ġdid li qed jallarma lill-pajjiż kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati ‘il hinn miċ-Ċina. Il-coronavirus li għandu, ftit jew wisq, similaritjiet mal-virus qattiel SARS ta’ snin ilu, laħaq infetta kważi 300 persuna – bl-awtoritajiet Ċiniżi jsostnu li ‘kulmin jipprova jaħbi l-każi ġodda se jispiċċa kundannat għall-eternità’.
Il-virus, li jikkaġuna tip ta’ pneumonia, qatel ( s’issa) sitt persuni, skont l-aħħar aġġornamenti mill-media tal-Istat. Xejn anqas allarmanti kienet il-konferma li l-virus jista’ jgħaddi direttament minn persuna għall-oħra.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għandha tikkunsidra jekk tiddikjarax emerġenza tas-saħħa pubblika fuq livell internazzjonali b’konnessjoni mal-virus ġdid. Dan bħalma kien seħħ snin ilu bil-każi tas-swine flu u l-Ebola. Dikjarazzjoni bħal din mill-WHO għandha titqies bħala sejħa urġenti għal reazzjoni internazzjonali koordinata intiża biex trażżan il-firxa ta’ dan il-virus.
Il-konferma – għall-ewwel darba – li l-virus jista’ ikun trasmess minn bniedem għall-ieħor ingħatat mill-Kummissjoni tas-Saħħa Nazzjonali taċ-Ċina. Sar magħruf li żewġ persuni fil-provinċja ta’ Guangdong kienu infettati bil-virus proprju ‘b’dan il-mod ta’ trasmissjoni’.
Il-Kummisjoni tas-Saħħa Muniċipali fl-inħawi ta’ Wuhan qalet, fi stqarrija separata, li talanqas 15-il ħaddiem lokali fil-qasam mediku wkoll spiċċaw infettati mill-virus, b’ wieħed minnhom ikun iddikjarat f’sitwazzjoni kritika. Jidher li dawn il-ħaddiema spiċċaw infettati minħabba l-kuntatti diretti ma’ pazjenti, b’dawn il-ħaddiema jinżammu kollha f’sezzjonijiet iżolati huma u jingħataw it-trattament dovut.
//= $special ?>