Il-Bank of Valletta jinsab imħasseb li pajjiżna, iktar minn qatt qabel, qed jitqies bħala ġurisdizzjoni ta’ riskju ogħli fejn tidhol is-sigurtà.
Dan qed iwassal biex il-bank isibha diffiċli li jsib correspondent banks, li jippermettulu li jopera minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Din hi xi ħaġa importanti ħafna għal kull bank.
Din id-dikjarazzjoni inkwetanti saret mill-Kap Eżekuttiv tal-bank, Rick Hunkin, li ħa din il-kariga f’Novembru li għadda. Hu wissa’ wkoll li pajjiżna ma jiflaħx iktar ħsara fir-reputazzjoni tiegħu.
F’intervista fis-Sunday Times, Hunkin jitkellem fost oħrajn dwar kif l-avvenimenti tal-aħħar snin wasslu biex il-klabb kważi tilef kull correspondent bank, bil-konsegwenza li kien se jitlef is-saħħa li jinnegozja bid-Dollaru Amerikan.
Fortunatament, l-ING li hu correspondent bank tal-Bank of Valletta, estenda r-relazzjoni tiegħu mal-bank bi tliet xhur ….biex fil-frattemp il-bank ikun jista’ jsib alternattivi.
Il-Bank of Valletta nieda proċess rigoruż biex jilqa’ għall-impatt li qed isofri bil-ħsara fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u t-tħassib internazzjonali dwar problemi relatati mal-ħasil ta’ flus f’pajjiżna.
Tant hu hekk li, fl-aħħar xhur, il-bank għalaq numru sinifikanti ta’ kontijiet bankarji ta’ persuni meqjusa ta’ riskju għoli, b’mod speċjali persuni li xtraw il-passaport Malti. Dan sar b’mod speċjali fil-każ ta’ persuni li l-bank ma setax jikseb informazzjoni dwarhom jew saħansitra lanqas setgħu jinstabu traċċi ta’ dawn l-individwi. Dan minkejja li Gvern Laburista ftaħar li dawk li jixtru passaport Malti jridu jgħaddu minn proċess rigoruż – xi haga li irrepetiha anke l-PM Robert Abela fl-ahhar granet.Proċess li, minkejja l-ftaħir tal-Gvern, spiċċa taħt sħaba sewda meta ripetutament ħarġu stejjer b’akkużi serji dwar persuni li nqdew bil-passaport Malti għal skop ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
//= $special ?>
