Lokali

Impenn għal parlament ferm iktar parteċipattiv mill-poplu

  • Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella biex il-parlament jintroduċi inizjattivi u proposti ġodda biex il-parlament mhux biss jitressaq viċin il-poplu iżda l-poplu jipparteċipa b’mod dirett fit-tfassil tal-liġijiet.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal fil-parlament li mhux soltu li dan id-dibattitu jsir għaliex qabel kien ikun hemm qbil fil-livell tekniku dwar l-aspett finanzjarju tal-parlament. Hu qal li l-użu popolari tal-binja tal-parlament qed iwasslu beix il-funzjoni u l-użu tal-parlament ikunu iktar effettivi. Il-funzjoni tal-parlament imur lil hinn mid-diskorsi iżda li l-istituzzjoni taħdem biex tagħti valur lit-taxxi tal-poplu. Dan fil-valur leġiżlattiv bejn pajjiż ċivililizzat u pajjiż bla saltna tad-dritt.

Il-parlament m’għandux ikun teatrin għall-cameras, sostna Claudio Grech, li kompla li dan id-dibattitu qed isir fl-isfond ta’ instabbiltà politika li qed tiżviluppa kuljum. Hu appella għal iktar maturità politika dwar kif jitressqu l-proposti fil-parlament. Hi sfortuna li l-parlament qed jiddiskuti l-estimi tal-2019 meta jinsab fl-2020; fejn hemm spiża ta’ €13-il miljun, li €4 miljun minnhom huma kirja waqt li l-bqija huma spejjeż operazzjonali u hemm l-ispiża kapitali. Fost hawn hemm €4 miljuni f’pagi għall-2020.

Claudio Grech qal li t-talba għal iktar riżorsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iwettaq id-doveri tiegħu ma kienet se tagħmel l-ebda effett anki fil-kuntest meta taħt gvern Laburista l-persons of trust fil-ministeri jfaqqsu.

Id-deputat Nazzjonalista ppropona iktar proposti dwar kif l-operat tal-parlament jinfetaħ dejjem iktar biex l-aċċessibbiltà tinbidel f’parteċipazzjoni tal-poplu b’mod partikolari tas-soċjetà ċivili. Il-politiċi madwar id-dinja qed jitilfu r-rilevanza tagħhom minħabba li l-politiċi qed jidhru li huma maqtugħin mir-realtà tan-nies. Hu qal li teżisti opportunità li l-parlament jintuża t-tajjeb fejn l-Oppożizzjoni u xi deputati tal-gvern jagħmlu xogħlhom tajjeb billi jkollhom riżorsi effiċjenti li ma jkunux mad-deputati innfushom iżda riżorsi tekniċi li d-deputati jkollhom aċċess għalihom.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm aħfna deputati li jistgħu jikkontribwixxu iktar billi jkollhom l-assistenza legali. Miżuri oħra jistgħu jsiru bla spiża fosthom l-aċċess għall-open data, sostna Caludio Grech, li qal li anki ċertu informazzjoni li tingħata fit-tweġibiet parlamentari tingħata b’mod li ma jinftehimx biżżejjed. Hu qal li fl-Ingilterra qed ikun propost li anki ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibgħatu l-mistoqsijiet lid-deputati dwar x’ħidma qed iwettqu u x’pożizzjonijiet għandhom dwar il-liġijiet. Proposti oħra huma li fl-istadju tat-tieni qari jkunu jistgħu jsiru proposti miċ-ċittadini. Dan biex il-parlament ikun iktar effettiv.

Claudio Grech qal li fl-università hemm volum enormi ta’ għerf li jista’ jkun utilizzat anki b’aċċessibbiltà elettronika għal dak li jeżisti fl-università. Jeżisti għatx kbir fost l-akkademiċi li ma jridux jidħlu fis-sistema politika tribali li fiha ma jeżistix mod kif persuna tista’ tipparteċipa fil-politika bla ma l-persuni jkunu ittimbrati.

Dawn huma professjonisti fir-riċerka tagħhom b’riċerka utli li tkun valida fil-proċess politiku. Din ir-riċerka tkun utilissima għall-proċess parlamentari. Dan l-isforz għandu jsir biex il-parlament jiġbor il-kapaċitajiet u l-ħiliet ta’ min irid jipparteċipa fil-proċess politiku.

Hu qal li l-parlament għandu obbligu li jwettaq dan biex il-valur tal-ħidma parlamentari tikber. Il-parlament issa se jkompli jikber iżda biex l-ispiża mit-taxxi tkun ġustifikata għandu jsir minn kollox biex il-ħin li jintuża fil-parlament ikun ta’ kontribut.