Futbol Sport

FILMAT: Jekk jiġi ċ-ċans li nilgħab barra minn Malta nieħdu mal-ewwel – Shaun Dimech

Shaun Dimech, wieħed miż-żgħażagħ ta’ Valletta li qed jidħlu fit-tim Belti fl-aħħar staġuni. Għad għandu 18-il sena iżda diġà qed juri li għandu futur sabiħ quddiemu. F’dan l-istaġun qed ikun introdott aktar mill-kowċ Darren Abdilla u Dimech qed jieħu vantaġġ ta’ kull minuta li jilgħab, bi prestazzjoni pożittivi iżda aktar minn hekk ħabrieka. Dimech minn dejjem kien jilgħab il-futbol. Hu beda jilgħab ma’ Valletta u wara li lagħab għal tliet snin ma’ Pietà fis-settur taż-żgħażagħ, reġa’ ngħaqad ma’ Valletta fl-età ta’ 13-il sena.

Shaun Dimech għamel id-debutt ma’ Valletta fil-Kampjonat Premier fit-3 ta’ Diċembru tal-2016 kontra Pembroke Athleta fl-età ta’ 15-il sena. Dakinhar hu kien daħal lejn tmiem il-logħba flok Michael Mifsud fir-rebħa li l-Beltin kellhom bl-iskor ta’ 3-0.

Iż-żagħżugħ Belti, jiftakar il-mument li lagħab ftit minuti, bi gratitudni lejn min tah iċ-ċans. “Pawlu Zammit kien tani ċ-ċans kont għadni kif għalaqt 15-il sena. Kont għamilt nittrenja mal-kbar xi xahrejn. Xi ħaġa sabiħa ħafna li tiddebutta daqshekk ta’ età żgħira u kieku ma kienx għalih ma kontx nibda.” Minn dakinhar hu daħal bħala sostitut f’xi logħbiet sakemm lejn tmiem l-istaġun li għadda beda jidħol ftit ftit fit-tim ta’ Valletta. Għal żagħżugħ bħal Dimech, li jilgħab ma’ Valletta hi aktar speċjali minħabba li hu tifel mill-Belt. Hu jesprimi l-fatt li anki l-partitarji jkollhom aktar simpatija lejh.

L-istaġun ta’ Shaun Dimech sa issa

F’dan l-istaġun hu kien involut fi 11-il logħba minn 15 fil-kampjonat. Aktar minn hekk hu lagħab f’logħba fl-FA Trophy u s-Super Cup mirbuħa kontra Balzan. Fil-bidu tal-istaġun, Dimech kien parti integrali mit-tim Belti li avvanza sat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Hu lagħab fl-erba’ logħbiet ta’ Valletta fiċ-Champions League kontra Dudelange u Ferencvaros kif ukoll kontra Astana fl-Europa League. Id-debutt tiegħu fil-UEFA Champions League seħħ fid-9 ta’ Lulju tas-sena l-oħra fil-Lussemburgu filwaqt li l-ewwel logħba tiegħu fil-UEFA Europa League kienet fil-Każakistan fit-8 ta’ Awwissu.

Il-mument li daħal bħala sostitut fl-ewwel logħba tat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League kontra Ferencvaros fil-Groupama Arena, jibqa’ ttimbrat fil-memorja tiegħu. “Kienet xi ħaġa speċjali f’dak il-grawnd. Naħseb kien hemm xi 35,000 ruħ, kulħadd jgħajjat, eżempju meta jqassmuli ma stajtx nisma’ sew, għax xi ħaġa inkredibbli n-nies dejjem jgħajtu u esperjenza sabiħa ħafna.”

Il-prestazzjonijiet tiegħu qed iwasslu biex Darren Abdilla jqisu parti mit-tim, tant li ħlief għall-ewwel konfront tat-tieni rawnd kontra Santa Lucia, Dimech dejjem kien fl-iskwadra Beltija. Fost il-ħiliet tiegħu li jgħinuh jispikka hemm ir-rieda tiegħu li jilgħab, il-veloċita bil-ballun, plejer li meta jkollu l-ballun jipprova javvanza bih u ma jiddejjaqx juri l-kwalità tiegħu fil-fażi offensiva.

“Kowċ Darren kien tani ċ-ċans fl-Ewropa. Hu bdieli li nista’ nkompli navvanza fil-karriera tiegħi. Bħalissa qed inħossni tajjeb li qed nidħol u dejjem inġedded il-minuti tiegħi u minn hemm tista’ tkompli timmatura,” qal Dimech.

(Ritratt: Martin Agius)

L-appoġġ mingħand sħabu fit-tim Belti

Fil-preżent, ħafna jitkellmu dwar in-nuqqas ta’ plejers żgħażagħ fil-Kampjonat Premier u kemm hu diffiċli għalihom li jiksbu post f’tim. Dimech sa issa mhux talli qed jidħol ftit ftit, iżda qed jilgħab maċ-champions lokali. Kif jesprimi hu stess, mhux faċli li jsib minuti ma’ klabb kbir bħal Valletta iżda saħaq li jista’ jagħmel dan, bl-appoġġ ta’ plejers stabbiliti fit-tim li qed jgħinuh jintegra fit-tim u jtejjeb il-logħba tiegħu.

Teżisti din l-idea li plejer żagħżugħ għandu jmur jikseb l-esperjenza ma’ tim żgħir iżda Shaun Dimech jaħsibha differenti u jitkellem dwar il-mument li qed jgħix bħalissa. “Tawni ħafna għajnuna l-plejers bħal Stevie, Jonny, Ryan, Henry u Rowen u oħrajn. Dejjem kienu jgħinuni fit-training. Dejjem nagħti kollox u nibqa’ nagħti kollox fit-training, imma bl-għajnuna tagħhom għenuni nkompli nikber u nimmatura fil-pitch u ħassejt li nista’ nikber iktar billi tittrenja magħhom u meta tittrenja ma’ dawk it-tip ta’ plejers, ovvjament int ħa tgħolli l-livell mingħajr ma trid.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Lest li jieħu karriera barra minn Malta?

Għad għandu 18-il sena iżda żgur li għandu futur sabiħ quddiem. Staqsejt lil Dimech x’inhi x-xewqa li għandu fil-futbol u mingħajr tlaqliq qalli li “ovvjament immur nilgħab barra. Dejjem pass pass naraha imma jekk jiġik iċ-ċans trid tieħdu għax il-livell ta’ barra hu xi ħaġa speċjali. Tkun tista’ timmatura u tiġi indipendenti jekk tmur tilgħab barra wkoll.”

Hu kompla li aktar ma jibda żgħir, aktar hemm ċans li jkollu karriera ta’ suċċess. “Ma nistax ngħidlek jekk hux lest għax trid tesperjenzaha imma naħseb li jien jekk jiġini ċ-ċans nieħdu mal-ewwel.” Din ix-xewqa jista’ jkun tiġi mill-fatt li meta jilgħab mat-timijiet nazzjonali, jara d-differenza tal-livell differenti u għola li hemm fin-nazzjonijiet li jilgħab kontrihom.

“Il-livell hu kompletament differenti. Tilgħab kontra l-Italja, Franza, dejjem ħa tgħolli l-livell u l-iktar ħaġa li nsibu ta’ problema li l-ewwel logħba ma nkunux għadna ġibna t-tempo tagħhom imma mbagħad sakemm tidra. Malli tinżel minn minn dawn it-tip ta’ logħbiet, il-livell jurik li int għollejtu.”

Wieħed jawgura li żgħażagħ b’talent bħal Shaun ikomplu jgħollu l-livell tagħhom għall-ġid tal-futbol Malti. Id-determinazzjoni tiegħu li jirnexxi u li juża kull minuta biex juri x’jaf fil-kampjonat lokali, nemmen li għandha twasslu biex fil-futur qrib ikollu opportunità li jilgħab barra l-pajjiż.