Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni teħtieġ riżorsi parlamentari biex twettaq l-iskrutinju tagħha

– Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li kuntrarjament għall-gvern, l-Oppożizzjoni m’għandhiex ir-riżorsi parlamentari meħtieġa biex tiskrutinja lill-gvern.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li hu stenna umiltà mill-kelliema tal-gvern għaliex dan kien l-ewel dibattitu parlamentari wara li l-gvern waqqaf il-parlament b’mod kapriċċjuż minħabba l-problemi li kellu l-PL sakemm ħatar mexxej ġdid.

Tal-inqas, il-kelliema tal-gvern kellhom jitolbu skuża u mhux jinfexxu jattakkaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni propju fl-ewwel seduta parlamentari. Robert Cutajar qal li f’Diċembru 2017 l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni permezz tad-deputat Chris Said biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta li jinvestiga r-rapporti kollha li kitbet dwarhom il-ġurnalista maqtul Daphne Caruana Galizia. Quddiem din il-mozzjoni l-gvern Laburista vvota kontra.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern Laburista, minn flus il-poplu, ta pożizzjonijiet lid-deputati Labursti li tagħhom jitħallsu tajjeb ferm waqt li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda riżorsa biex twettaq id-doveri tagħha bl-aħjar mod fil-ħidma politika fil-parlament.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PL llum jattakka lill-PN li għadda minn perjodu ta’ diffikultajiet finanzjarji u qal li b’differenza għall-PL, il-PN qatt ma ngħata propjetà tal-Gvern biex isservi bħala każini. Dan flimkien mal-iskandlu tal-Australia Hall, li tiswa madwar €10 miljuni.

Hu qal li s-sitwazzjoni mhix waħda normali fil-pajjiż minħabba li l-gvern għamel kabinet ġdid għaliex fil-verità dan hu gvern li kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta. It-tagħlimiet għandhom jieħduhom id-deputati tal-Gvern li kellhom jirriżenjaw meta faqqgħu l-iskandli ta’ korruzzjoni. Il-PN qed jingħata raġun anki bid-deċiżjonijiet li qed jieħu l-istess Prim Ministru Robert Abela, sostna Robert Cutajar.