Sport Waterpolo

Malta ttemm l-impenji fil-Kampjonat Ewropew b’konfront diffiċli kontra l-Olanda

Għada fl-10.00am, it-tim nazzjonali Malti jilgħab l-aħħar logħba tiegħu fl-34 edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew b’konfront kontra l-Olanda. Din il-logħba hi għal min jispiċċa fil-15 u s-16-il post u mhux se tkun eċċezzjoni għad-diffikultajiet li mistennija jsib quddiemu t-tim Malti.

Dan għaliex it-tim Olandiż hu aktar kwotat mit-tim Malti. Fil-fażi tal-gruppi, huma rebħu 9-8 kontra r-Rumanija, kienu megħluba mir-Russja 15-9 u tilfu 11-4 kontra s-Serbja. Huma spiċċaw Grupp B b’punti ndaqs mar-Russja u r-Rumanija iżda spiċċaw fl-aħħar post minħabba d-differenza ta’ erba’ gowls. Fil-logħba ta’ klassifikazzjoni tilfu 9-8 kontra Franza.

It-tim Malti tilef 23-7 kontra Spanja, 13-10 kontra t-Turkija u 26-0 kontra l-Ungerija. Fil-logħba ta’ klassifikazzjoni, Malta tilfet 8-4 kontra s-Slovakkja, f’dik li tista’ titqies l-aħjar prestazzjoni ta’ din l-edizzjoni. Ostaklu partikolari se tkun il-kundizzjoni fiżika tal-plejers wara madwar għaxart ijiem ta’ intensità li mhux imdorrijin biha. Dan minbarra l-problemi psikoloġiċi wara t-telfa kontra t-Turkija u l-umiljazzjoni kontra l-Ungerija.

Dan il-konfront se jkun l-ewwel wieħed kontra l-Olanda fil-Kampjonat Ewropew. L-aħħar darba li Malta ltaqgħet kontra l-Olanda fil-livell tal-adulti, kien fis-7 ta’ Frar tal-2015 f’telfa ta’ 19-11 f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.