Sport Sport Ieħor

Nadal, Medvedev, Kyrgios u Fognini fit-tieni rawnd tal-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

In-numru wieħed tad-dinja Rafael Nadal għadda għat-tieni rawnd tal-Open tal-Awstralja b’rebħa faċli ta’ 6-2, 6-3, 6-0 kontra Hugo Dellien. L-Ispanjol, rebbieħ ta’ 19-il Grand Slam, tilef fil-finali tas-sena l-oħra kontra Novak Djokovic u qed jimmira li jikseb it-tieni suċċess wara s-suċċess tal-2009. Fit-tieni rawnd jilgħab kontra Federico Delbonis.

Is-sid numru erbgħa Daniil Medvedev elimina lil Frances Tiafoe 6-3, 4-6, 6-4, 6-2 f’sagħtejn u 36 minuta. Medvedev li tilef il-finali tal-Open tal-Istati Uniti s-sena l-oħra, jilgħab fit-tieni rawnd kntra Pedro Martinez.

Quddiem il-pubbliku tiegħu, l-Awstraljan Nick Kyrgios rebaħ 6-2, 7-6, 7-6 kontra t-Taljan Lorenzo Sonego. Qabel it-tournament, Kyrgios kien wiegħed li jagħti donazzjoni ta’ 200 dollaru Awstraljan għal kull ace li jagħmel biex jgħin lill-pajjiż fit-taqtigħa kontinwa kontra t-tifi tan-nar fil-foresti. F’din il-logħba għamel 14-il ace.

Fabio Fognini rkupra biex rebaħ kontra Reilly Opelka 3-6, 6-7, 6-4, 6-3, 7-6. Il-logħba kienet posposta minħabba l-maltemp, b’Opelka fuq quddiem sa dak il-ħin. Iż-żewġ tennisti kellhom argument kull wieħed mal-umpire.