Futbol Sport

Napoli jwaqqfu lil Lazio u jsiru l-ewwel tim fis-semifinali tal-Coppa Italia

(Ritratt: EPA)

Napoli hu l-ewwel tim li għadda għas-semifinali tal-Coppa Italia wara rebħa ta’ 1-0 kontra Lazio fi Stadio San Paolo. Logħba mill-isbaħ li offriet diversi emozzjonijiet, b’Lazio jkunu sfortunati lejn it-tmiem hekk kif resqu ferm viċin id-draw.

Din ir-rebħa kienet importanti għal Napoli li ġejjin minn forma negattiva fil-kampjonat. Aktar minn hekk, din il-kwalifikazzjoni tagħti ftit tan-nifs għall-kowċ Gennaro Gattuso hekk kif din kienet biss it-tieni rebħa minn sitt logħbiet. Lazio kellhom prestazzjoni pożittiva u waqqfet serje pożittiva fl-Italja wara 11-il rebħa konsekuttiva fil-kampjonat, ir-rebħ tas-Supercoppa Italiana u rebħa kontra Cremonese fil-Coppa Italia.

Il-gowl deċiżiv wasal wara biss żewġ minuti b’azzjoni tipika ta’ LORENZO INSIGNE li biha għeleb lil Thomas Strakosha b’xutt fil-baxx. Napoli kellhom lil Elseid Hysaj imkeċċi għat-tieni karta safra fid-19-il minuta iżda sitt minuti wara tkeċċa Lucas Leiva għal Lazio.

Fit-tieni taqsima, Ciro Immobile kellu gowl imħassar u laqat il-lasta, b’Sergej Milinkovic-Savic jolqot il-lasta u mir-rebound skorja Francesco Acerbi iżda kien f’pożizzjoni ta’ offside.