L-istqarrija tal-Prim Ministru llejla tikkonferma li l-Prim Ministru Robert Abela, bħal Joseph Muscat irid jibqa’ jaghmel l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija waħdu.
Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija wara li l-Prim Ministru llejla kkonferma li mhux lest li jkun hawn kunsens nazzjonali dwar min jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.
“Il-Prim Ministru illejla kkonferma illi jrid jibqa’ jkun hu waħdu li fl-ahhar mill-aħħar jagħżel il-Kummissarju tal-Pulzija. Il-Prim Ministru ppropona proċess ta’ skrutinju quddiem kummissjoni u kumitat tal-Parlament fejn jaf illi huwa għandu maġġoranza u allura kontroll effettiv u ħalla l-għażla finali unikament f’idejh stess,” jiddikajra l-Partit Nazzjonalista.
Ikompli li “l-Prim Ministru għadu ma fehemx kemm hija urġenti li l-Korp tal-Pulizija mill-ġdid jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Għadu ma fehemx il-ħsara kbira li l-Gvern tiegħu għamel lil pajjiżna. Għadu ma fehemx illi sabiex il-fiduċja terġa’ tibda forsi tinkiseb lura jrid jkun hemm kunsens fuq l-għażla ta’ Kummissarju ġdid.”
Huwa għalhekk ta’ għajb li l-Prim Ministru warrab għal kollox l-proposta tal-Oppożizzjoni li Kummissarju tal-Pulizija ġdid għandu jintgħażel minn u jkollu l-appoġġ taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
“Il-Prim Ministru ddeċieda li jibqa’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. L-Oppożizzjoni tibqa’ għalhekk tappella lill-Gvern sabiex mill-iktar fis possibli, l-Parlament jiddiskuti u japprova l-abbozz ta’ liġi li ppreżentat.”
L-istqarrija kienet iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba Adrian Delia, il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, Chris Said, Karol Aquilina, Jason Azzopardi u Robert Cutajar, li hu wkoll il-Whip.
//= $special ?>

