Lokali

Silvio Schembri urtat wara li eks canvasser tiegħu ħa ritratt ma’ Robert Abela

Zerafa insista li Schembri tradieh tlett darbiet

“Jien ma’ tifel ma naħdimx.”

Hekk sostna fuq il-media soċjali attivist u canvasser magħruf sew fil-Partit Laburista f’indirizz dirett lejn il-Ministru l-ġdid tal-Ekonomija Silvio Schembri.

Ġorġ Zerafa allega li Schembri kien bagħat għalih fl-uffiċċju tiegħu wara li ħa ritratt ma’ dak li issa hu l-Prim Ministru… Robert Abela, dak iż-żmien deputat Laburista. L-attivist saħaq li l-Ministru kien deher urtat fi kliemu (ara isfel).

Zerafa insista li Schembri tradieh tlett darbiet, bl-aħħar waħda tkun il-pubblikazzjoni ta’ ritratt fuq il-profil tal-Ministru stess meħud waqt l-aħħar attività Laburista f’Bormla. Fih Zerafa jidher jieħu ritratt minn fuq il-mowbajl lil Silvio Schembri ma’ partitarja.

Fi kliem, li juru bl-aktar mod ċar s-serenità u l-kalma tal-aħħar jiem bejn il-Laburisti, l-canvasser iddomanda lil Schembri x’jagħmel li kieku wieħed min-nies tiegħu jinqabad jieħu ritratt lil deputat ieħor.

Minn kliemu, l-eks canvassar ta’ Silvio Schembri ta x’jifhem li xi ħadd ġibidlu l-attenzjoni dwar dak ir-ritratt bil-konsegwenza għamillu l-ħsara. Dan filwaqt li aktar minn hekk, wieħed jista’ jifhem il-lanzit li għandhom għal xulxin id-deputati Laburisti – minkejja li jpinġuha li huma fratellanza ta’ ħbieb.