L-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li hu wkoll ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, ikkonferma li segwa anke l-finali taċ-Champions League tal-2018 flimkien ma’ Yorgen Fenech.
L-aħbar kienet żvelata mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, b’Valletta jikkonferma l-aħbar meta mistoqsi minn The Times. Hu qal li ħallas il-prezz tat-titjira, iżda mhux il-biljett tal-grawnd.
Din hi t-tielet aħbar fi ftit jiem li tikkonferma l-ħbiberija mill-qrib bejn Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċita fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u Silvio Valletta.
Dan wara li kien żvelat li flimkien huma siefru għal-logħba bejn Chelsea u Liverpool, fi Stamford Bridge, fejn segwew il-logħba f’VIP Box. Fuq l-ajruplan, Fenech instema’ jirreferi għal Valletta bħala “z-ziju Silvio.”
Ftit wara kien żvelat ukoll li l-Pulizija kisbu filmat li fih Silvio Valletta jidher fil-karozza lussuża tat-tip Rolls Royce, ta’ Yorgen Fenech, waqt li jiftaħar li hi tiegħu.
Fl-aħħar sigħat Net News żvela li Silvio Valletta ssejjaħ fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Furjana, fejn kien interrogat b’rabta mar-relazzjoni mill-qrib tiegħu ma’ Yorgen Fenech.
Silvio Valletta jiċħad li kien jaf li qed jagħmel xi ħaġa ħażina f’dawn l-episodji. Minkejja dan, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ddikjara li dan mhux possibbli għaliex is-CID, taħt it-tmexxija ta’ Silvio Valletta, kienu jafu li Yorgen Fenech kien ikkunsidrat bħala persuna ta’ interess fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>
