Internazzjonali

Spanja: Jitilfu ħajjithom f’maltemp qawwi…

Maltempata qawwija mlaqqma ‘Gloria’ straxxnat diversi bnadi lejn il-lvant ta’ Spanja, fejn l-awtoritajiet qed jattribwixxu talanqas erba’ każi tal-mewt għall-elementi ħorox xitwin. Ir-reġjun madwar Valencia u l-Gżejjer Baleariċi ntlaqtu l-agħar mill-maltemp, fejn l-irwiefen u l-għargħar qawwi ħallew xeni ta’ kaos assolut.

‘Il fuq minn 30 provinċja fi Spanja tpoġġew fuq stat tal-allert għoli għall-maltemp li kompla javvanza mill-pajjiż lejn in-nofsinar ta’ Franza.

Dan waqt li l-esperti meteoroloġiċi qablu li dan il-maltemp hu l-agħar li qatt laqat ir-reġjun mill-1982 ‘il hawn.

L-aħħar rapporti qalu li raġel miet fid-dar tiegħu fil-provinċja ta’ Avila wara li ntlaqat mill-biċċiet tas-saqaf li tqaċċtu ‘b’saħħa kbira’ waqt l-eqqel tal-irwiefen. Ir-rapporti komplew li mara li ma kellhiex indirizz fiss mietet iffriżata qrib ta’ Valencia waqt li raġel tilef ħajtu f’inċident stradali fir-reġjun tal-Asturias li spiċċa kopert bil-borra. Ir-raba’ mewta kienet ta’ raġel li nstab iffriżat barra d-dar tiegħu fil-belt ta’ Moixent.

Fil-bidu tal-ġimgħa, il-maltemp iġġenera rwiefen b’veloċità ta’ 115 kiklometru fis-siegħa, bil-baħar itella’ mewġ enormi madwar ix-xatt tal-Mediterran. Dan meta l-ajruport ta’ Alicante kien sfurzat li jagħlaq, bir-riżultat li tħassru diversi titjiriet.

L-awtoritajiet Franċiżi, fl-aħħar sigħat,  kienu wkoll fuq standby għall-impatt tal-maltempata ‘Gloria’ li  waslet fl-inħawi ta’ Pyrenees-Orientales – iz-zona tan-nofsinar l-aktar imbiegħda fi Franza u li tmiss mal-Mediterran. Dan waqt li għexieren ta’ pulizija u firefighters addizzjonali kienu stazzjonati fir-reġjun biex jilqgħu għall-emerġenzi potenzjali.