Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, waqt diskors lill-Forum Ekonomiku Dinji, irrefera għall-attivisti favur il-klima bħala ‘persuni li jħobbu jallarmaw u jikkontrollaw kull aspett tal-ħajja tan-nies.’
Trump anki kkundanna lill-attivisti bħala ‘profeti tal-malawgurju’ waqt li sejjaħ biex in-nies ma jaċċettawx il-ħafna tbassir dwar xi apokalissi meta, fi kliemu,’ dan hu żmien li suppost jirrifletti l-ottimiżmu aktar milli sentimenti ta’ pessimiżmu.’
Il-Forum ta’ Davos għandu jkompli sal-Ġimgħa u Donald Trump għamilha ċara li l-Istati Uniti għandha tiddefendi l-ekonomija tagħha. Dan meta l-qerda tal-ambjent qed tingħata priorità f’dan is-summit annwali li qegħdin jattendu għaliha diversi mexxejja ta’ pajjiżi flimkien ma’ persuni influwenti oħra.
Il-President Amerikan naqas milli jindirizza direttament lill-attivista adolexxenti mill-Iżvezja, Greta Thunberg, li kienet fl-udjenza u li wara d-diskors ta’ Trump ikkritikat mill-ġdid lill-mexxejja politiċi dwar il-kontribut tagħhom ‘lejn is-salvazzjoni tad-dinja’.
Spikka l-kumment partikulari ta’ Thunberg fis-sens li ‘id-dinja għadha qed taqbad’. Dan meta l-attivista ta’ 17-il sena kienet qed tinawgura sessjoni b’tema ta’ kif id-dinja għandha tevita żvilupp apokalitiku u fejn hi, fl-ebda ħin, ma rreferiet għall-President tal-Istati Uniti.
Madankollu Greta Thunberg staqsiet lill-mexxejja tad-dinja ‘kif se jispjegaw ir-responsabbiltà tagħhom f’sitwazzjoni li qed tqarreb impatt kaotiku għall-klima u li għenu jġibuha huma stess’. L-attivista, fl-istess ħin ikkritikat lill-politiċi u lill-kapijiet tal-kummerċ għall-ħafna kliem u l-wiegħdiet fiergħa li sallum ma għamlu l-ebda differenza.
Il-pajjiżi tad-dinja fl-2015 kienu impenjaw ruħhom għall-Ftehim ta’ Pariġi biex it-temperaturi tad-dinja ma jaqbżux iż-żewġ gradi Celsius ‘il fuq mill-era pri-industrijali. Iżda waqt li huma qablu biex iż-żieda fit-temperaturi tinżamm mal-1.5 gradi Celsius, ix-xjenzati qegħdin jgħidu li l-pajjiżi għadhom ‘il bogħod sew mit-tragward.
//= $special ?>