Għada f’Casa Lanfreducci fi Pjazza Jean De Valette, il-Belt Valletta fis-6:30 pm, Mark A. Sammut se jkun qed jagħti taħdita pubblika dwar Missier l-Ilsien Malti, Mikiel Anton Vassalli. It-taħdita, naturalment, se tkun bil-Malti.
Sammut se jkun qed iħares mill-qrib lejn it-turufnament ta’ Vassalli fi Franza. Se jitħaddet dwar ċerti aspetti affaxxinanti ta’ Marsilja, tal-Mażunerija li hemm f’dik il-belt u tal-filosofija kummerċjali tal-belt. Dawn huma elementi li jlewnu l-isfond tat-turufnament ta’ Vassalli. Dr Sammut qalilna li s-sajf li għadda mar konferenza miftuħa għall-pubbliku kollu organizzata mill-Mażuni ta’ Marsilja u sar jaf bi ħwejjeġ ġodda. Barra minn hekk, għamel xi riċerka f’istituzzjonijiet pubbliċi u sab tagħrif ġdid. Huwa jrid jaqsam dan kollu mal-pubbliku Malti.
B’mod partikolari, għandu f’idejh dokumenti li jdawlu qasam ta’ ħajjet Vassalli li sal-lum hu fid-dlam. Sammut sab dokumenti, kemm Franza kemm Malta, li jwieġbu bosta mistoqsijiet, imma jqanqlu oħrajn ġodda.
Waħda mir-risposti se tkun għal mistoqsija li ilha tqanqal l-interess tal-pubbliku għal dal-aħħar 70/80 sena.
Dil-evidenza li sab Mark A Sammut se tkun qed tqanqal interess għax se tkun qed tisfida lil ċerti ideat li smajna biho filwaqt li tikkonferma oħrajn.
Huwa propju għalhekk li t-taħdita jisimha Vassalli fit-Turufnament: il-Provi.
Din it-taħdita hija organizzata mis-Soċjetà Storika ta’ Malta.
//= $special ?>