Internazzjonali Lokali

Aġir inaċċettabbli fil-Venezwela

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir żbaljat fil-Venezwela fil-konfront tal-President interim Juan Guaido.

Din il-kundanna ġiet permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Carmelo Mifsud Bonnici, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, u Roselyn Borg Knight, Segretarja Internazzjonali tal-PN.

Dan huwa President li ġie rikonoxxut minn 50 pajjiż u li huwa t-tama vera għall-futur demokratiku u fil-prosperità, kompliet tgħid l-istqarrija. Il-pajjiż mmexxi preżentement minn Nicholas Maduro spiċċa f’dittatura, fil-miżerija u f’kriżi kbira. Huwa għalhekk inaċċettabli li membri tas-sigurtà sigrieta magħrufa bħala Sebin jidħlu fl-uffiċċju tiegħu u jfittxulu, b’abbuż mill-iżjed sfaċċat u minghajr awtorità tal-liġi.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jappella ma diversi stati oħra sabiex tinġieb lura n-normalità f’dan il-pajjiż kbir sabiex tirrenja mill-ġdid id-demokrazija u titħaddem il-ġustizzja soċjali għall-ġid komuni tal-poplu kollu, li issa ilu snin twal fi tbatija kbira.