Lokali

Dar Tgħanniqa t’Omm tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku

Dar Tgħanniqa t’Omm fi Triq Papa Gwanni XXIII, il-Mosta, llum fetħet il-bibien tagħha sabiex il-pubbliku jkun jista’ jara u jifhem ix-xogħol li jsir mil-volontiera u l-iskop ta’ din id-dar.

Id-dar fil-Mosta hija mmexxijja minn Life Line Malta, fergħa tal-Life Network Foundation u tilqa’ fiha nisal li jkunu għaddejjin min żmien diffiċli, li jkunu qed jikkunsidraw li jagħmlu abort, jew li jkunu qed jaffaċċjaw kumplikzzjonijiet fil-ħajja jew fit-tqala tagħhom.

Id-dar bħalissa qed toffri kenn lil 6 ommijiet, uħud minnhom bit-tfal żgħar, u oħrajn li huma tqal. Iżda, l-funzjoni ta’ Life Line ma tieqafx hemm. Minbarra li toffri saqaf fuq ras dawn in-nisa, id-dar tagħti wkoll għajnuniet oħra, fosthom counselling kemm lil dawn in-nisa, kif ukoll lill-familjri tagħhom.

Life Line toffri wkoll sapport lil nisa u rġiel li fil-passat ikunu għażlu li jitterminaw tqala billi jagħmlu abort. Dan jagħmluh permezz ta’ professjonisti li jgħinu biex il-persuna tgħeleb it-trawma psikoloġika li jġib miegħu l-abort.

Biex tkun tista’ tagħmel dan kollu, Life Line tiddependi fuq l-għajnuna tal-volontier u fuq id-donazzjonijiet mill-pubbliku. It-tama hi li fil-qrib ikunu jistgħu jiftħu dar akbar, hekk kif il-binja fil-Mosta ma tistax tilqa’ fiha aktar minn 6 ommijiet.

L-ommijiet jibqgħu fid-dar sa sena u Life Line tibqa’ tgħinhom sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintergraw ruħhom fil-komunità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt żjara li għamel f’din id-dar, faħħar l-inizjattiva ta’ Life Line u lill-volontiera li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli. Hu saħaq fuq il-bżonn li nisa u familja li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli marbuta ma’ tqala, jsibu s-sostenn li qed toffri Life Line u appella sabiex il-pubbliku jagħti l-għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll fiżika biex djar bħal din ikunu jistgħu jibqgħu joffru kenn għal min jinsab f’diffikultà.

Id-dar tibqa miftuħa għall-pubbliku illum l-Erbgħa sal-4.00pm.