Fl-aħħar jiem, Uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta interċettaw aktar minn 85,000 ewro fi flus mhux iddikjarati f’seba’ każi mill-Ajruport Internazzjonali u anke mill-Port. Dan itella’ l-ammont ta’ flus maqbuda wara li ma kienux dikjarati, sa mill-aħħar kwart tal-2018, għal aktar minn miljun u 700,000 ewro.
Inqabdu wkoll għadd ta’ annimali ħajjin u anke insetti, li kienu qed jiddaħħlu illegalment f’Malta abbord vettura li kienet ġejja minn Sqallija. L-annimali inkludew żewġ brimb eżotiċi, sitt ifkieren, żrinġ u insetti ħajjin, kollha ssiġġilatti f’vażetti u kaxxi. Mas-sejba, l-annimali ngħaddew għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Fl-Ajruport ukoll, passiġġier li kien għadu kif jasal Malta minn Amsterdam instab li kien qed iġorr diversi kontenituri mimlija bil-marijuana u anke joints. Dan il-każ ingħadda f’idejn il-Pulizija mis-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga.
Sejba oħra saret fis-sezzjoni responsabbli mill-monitoraġġ tal-pakketti, hekk kif f’kartolina kienet interċettata xi sustanza illegali, li wkoll ingħaddiet f’idejn il-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
//= $special ?>
