Folol kbar ta’ dimostranti fl-aħħar sigħat organizzaw sensiela ta’ strajks u protesti fil-Gżejjer Griegi ta’ Lesbos, Samos u Chios, meta r-residenti lokali huma urtati għal kif il-Gvern qed jieħu ħsieb l-immigranti li qegħdin jaslu hemmhekk mit-Turkija.
Filwaqt li żdiedu l-immigranti f’dawn il-Gżejjer, il-kundizzjonijiet fil-kampijiet iffullati qegħdin isiru dejjem aktar miżerabbli. Fil-kamp ta’ Moria – l-akbar wieħed għall-immigranti f’Lesbos – hemm ’il fuq minn 19,000 immigrant li qegħdin ifittxu kenn politiku u li huma kostretti jgħixu f’faċilità li jiflaħ biss għal 2,840 persuna.
Intant, waqt id-dimostrazzjonijiet f’Lesbos, spikkaw it-tabelluni bil-messaġġi ‘Irridu l-gżejjer tagħna lura’ u ‘Daqshekk ħabsijiet għall-bnedmin fit-Tramuntana tal-Eġew’.
Il-Gvernatur għar-Reġjun tal-Eġew tat-Tramuntana, Kostas Moutzouris, esprima ‘dispjaċir u rabja’ li l-Gżejjer Griegi ‘inbidlu f’postijiet ta’ detenzjoni u speċi ta’ kampijiet ta’ konċentrazzjoni’ għal eluf ta’ nies minn madwar id-dinja. Dan waqt li l-eluf tad-dimostranti kienu qed jinġabru f’Mytilene, il-kapitali ta’ Lesbos, b’mijiet oħra jipprotestaw fiċ-ċentru tal-belt ta’ Samos.
Fl-aħħar sigħat ma fetħux numru ta’ ħwienet, spiżeriji u stabbilimenti tal-petrol fil-Gżejjer Griegi partikulari – l-istess bħal diversi kliniċi u uffiċini tal-avukati. Ix-xufiera tat-taxi u l-karozzi tal-linja wkoll qalu li kienu qed jissieħbu fl-istrajk. Hu minnu li ħafna residenti ta’ dawn il-gżejjer qed iħossuhom abbandunati, bir-rabja kontra l-Gvern tinħass kullimkien fost l-ilmenti li ‘(il-Gvern) biddel l-inħawi fi speċi ta’ ħabs’.
Il-Ministru Grieg responsabbli mill-Immigrazzjoni, Notis Mitarakis qed jgħid li żieda fis-sistemi għall-ħarsien tal-fruntieri tal-Greċja u r-ritorn lura f’pajjiżhom tal-immigranti li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni internazzjonali huma żewġ mezzi li kapaċi jrażżnu l-immigrazzjoni ‘rampanti’ lejn il-Gżejjer Griegi.
//= $special ?>