Ambjent Għawdex Lokali

Il-Ministeru għal Għawdex għandu jsib soluzzjoni kif ma jinqerdux siġar fi triq ta’ Marsalforn – PN

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Chris Said,
il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali, għamel referenza ghal dak li tkellmu dwaru għaqdiet ambjentali fl-aħħar sigħat u juri l-preokkupazzjoni tiegħu għall-fatt li biex isir xogħol fuq t-triq li twassal mir-Rabat Għawdex sa Marsalforn se jinqerdu mal-180 siġra.

Dan, qal il-Partit Nazzjonalista, huwa sfreġju ambjentali ieħor wara dak li qed jiġri fil-proġett tas-Central Link, din id-darba f’Għawdex.

L-Oppożizzjoni appellat lill-Ministru l-ġdid ta’ Għawdex biex jieħu passi immedjati sabiex din il-qerda ma ssirx u jsib soluzzjonijiet alternattivi. Dan huwa l-ewwel test għall-Ministru l-ġdid ta’ Għawdex.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Oppożizzjoni tistieden lill-Gvern biex jgħid ukoll jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent għax-xoghol li jrid isir fuq it-triq ta’ Marsalforn u jekk ma saritx din l-applikazzjoni x’kienet r-raguni għaliex ma saritx.