Internazzjonali

Il-virus ġdid: Twissija miċ-Ċina biex ma jsirux vjaġġi lejn Wuhan u ‘il hinn minnu

L-awtoritajiet Ċiniżi qegħdin iwissu biex in-nies jieqfu jivvjaġġaw lejn il-belt ta’ Wuhan (fiċ-Ċina) jew ‘il hinn minnu, meta diversi pajjiżi huma ferm preokkupati dwar il-virus ġdid li feġġ f’dawk l-inħawi u li s’issa qatel disa’ fost il-persuni infettati.

Il-belt ta’ Wuhan — fejn qed jgħixu 8.9 miljun resident — ġiet iddikjarata ‘iċ-ċentru tal-virus’, bir-residenti qed ikunu mwissija biex jevitaw il-folol waqt li jinġabru ‘il-minimu possibbli ta’ nies bħala grupp’ fil-postijiet pubbliċi.

Il-virus ġdid letali – li jidher għandu sintomi u effetti simili għall-pneumonia – infirex minn Wuhan lejn diversi provinċji taċ-Ċina. Intant, fl-aħħar sigħat kienu rappurtati wkoll xi każi tal-virus fl-Istati Uniti, it-Tajlandja u l-Korea t’Isfel.

Għalissa hemm mal-440 każi konfermati tal-virus, li l-oriġini tiegħu kienet indikata f’suq għall-ikel tal-baħar ‘fejn kienu għaddejjin it-tranżazzjonijiet illegali tal-annimali slavaġ’.

Il-Viċi-Ministru tal-Kummissjoni tas-Saħħa taċ-Ċina, Li Bin, tkellem pubblikament dwar is-sitwazzjoni ( f’okkażjoni rari mindu feġġet l-epidemija) fejn insista ‘biex in-nies, bażikament, ma jmorrux lejn Wuhan waqt li r-residenti ta’ din il-belt jibqgħu fejn qegħdin’.

L-awtoritajiet fiċ-Ċina ammettew ukoll li l-pajjiż jinsab ‘fl-aktar fażi kritika’ f’dak li jirrigwarda prevenzjoni u kontroll tal-virus. Dan wara l-konferma mill-uffiċjali Ċiniżi li l-virus – magħruf ukoll bħala 2019-nCoV – kapaċi jkun trasmess minn bniedem għall-ieħor.

L-2019-nCoV idher li hu element ġdid ta’ coronavirus li qatt qabel ma kien identifikat fil-bnedmin. Il-virus tas-Sars li, fil-bidu tal-elfejnijiet, kien qatel kważi 800 persuna madwar id-dinja, ukoll kien jaqa’ fil-kategorija ta’ coronavirus.

Is-sinjali tal-infezzjoni mill-virus ġdid jinkludu problemi (fosthom qtugħ) tan-nifs u sintomi oħra fis-sistema respiratorja tal-ġisem; deni kbir u sogħla. L-għatis ukoll ġie mfisser bħala ‘mezz effettiv ħafna għall-firxa tal-virus’.

L-ewwel każ bil-virus ġdid fl-Istati Uniti kien ikkonfermat bejn nhar it-Tlieta u lbieraħ, bil-President Amerikan, Donald Trump, isostni li ‘is-sitwazzjoni, hemmhekk, kienet totalment taħt kontroll’. Il-President Trump qal ukoll li hu jafda l-informazzjoni relatata mal-virus li qegħdin jipprovdu l-awtoritajiet fiċ-Ċina.