Persuna li nqabad juża’ kompjuter biex ibiddel informazzjoni fil-profil ta’ Membru Parlamentari Olandiż f’Wikipedia tkeċċa minn xogħolu. Ir-raġel kien impjegat fil-Ministeru tal-Edukazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin u nqabad li biddel l-informazzjoni ta’ Pieter Omtzigt wara investigazzjoni teknika.
L-Olandiż hu r-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta. Hu kien kritiku għall-mod kif il-Gvern Malti tratta dawn is-sitwazzjonijiet delikati f’pajjiżna, fosthom l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti.
F’Ottubru li għadda rriżulta li l-paġna ta’ Pieter Omtzigt fuq Wikipedia tbagħbset b’tali mod li allegat li ħallas lill-Gvern Russu għal informazzjoni qarrieqa. Wara investigazzjoni rriżulta li t-tibdil sar minn IP address li jagħmel parti mis-sistema tal-Gvern Malti.
F’reazzjoni għat-tkeċċija tal-impjegat, l-MP Olandiż innota li l-informazzjoni mbagħbsa ntużat anke minn politiċi Laburisti biex jippruvaw jiskreditawh u jdgħajfu r-rapporti dwar pajjiżna.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet x’passi se jkunu qed jittieħdu fil-konfront tal-impjegat jew x’responsabbiltà se tkun qed tintrefa’, partikolarment mill-Ministru Evarist Bartolo, li kien responsabbli mill-impjegat meta seħħ il-każ.
//= $special ?>