Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qed jiffaċċja akkużi dwar ‘nuqqas ta’ tmexxija tajba’ matul il-kriżi tan-nirien li ilha taħkem il-pajjiż għal dawn l-aħħar xhur.
L-akkuża saret minn Malcolm Turnbull, l-eks Prim Ministru Awstraljan li kien tilef postu lil Morrison fl-2018, u li issa qed jgħid li ‘Morrison mexxa ħażin lil pajjiżu bl-isforzi tiegħu biex inaqqas l-influwenza tal-global warming ( il-bidliet fil-klima).’
Scott Morrison, ix-xahar li għadda, kien talab skuża talli mar għal vaganza fl-Istati Uniti waqt li pajjiżu kien qed jikkumbatti l-kriżi tan-nirien. Intant, il-Prim Ministru qed jinsisti li l-politika tiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi hi ‘adekwata’, b’Turnbull isostni li ‘ma jistax jispjega l-atteġġjament li qed jieħu Morrison’.
L-eks Prim Ministru Awstraljan spjega li ‘kulħadd kien jaf li l-Awstralja kellha tiffaċċja żmien ta’ nixfa kbira sa minn qabel l-istaġun tan-nirien’ u li Morrison ‘ipprova jnaqqas il-livell tat-theddida, minbarra li warrab għall-impatt tal-bidliet fil-klima, bi kliemu ma jagħmilx sens minn punt xjentifiku’.
Malcolm Turnbull esprima ruħu b’dan il-mod waqt intervista lill-BBC u fejn qal ukoll li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, hu ‘l-aktar persuna influwenti fid-dinja li għadu qed jiċħad għall-bidliet fil-klima’. Hu insista li ‘qed jiswa ta’ ħsara kbira’ in-nuqqas ta’ tmexxija mill-Istati Uniti fil-konfront tat-theddida mill-global warming’.
//= $special ?>