Internazzjonali

Italja: Di Maio jirriżenja minn Kap ta’ Cinque Stelle

Luigi Di Maio

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi Di Maio, ftit tal-ħin ilu ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala Kap tal-Moviment Cinque Stelle (M5S). Di Maio esprima l-intenzjonijiet tiegħu wara li, fl-aħħar ġimgħat, kienu telqu numru sostanzjali ta’ deputati minn ma’ dan il-partit ‘anti-establishment’.

Il-pressjoni kienet ilha tiżdied fuq Di Maio wara li Cinque Stelle tilef xejn anqas minn 18 il-deputat fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt, telqu 31 deputat minn ma’ Cinque Stelle mindu l-Parlament Taljan attwali beda jiffunzjona f’Ruma, fl-2018.

L-eks Ministru Vito Crimi mistenni jieħu t-tmexxija tal-Moviment Cinque Stelle f’kapaċità proviżorja u sakemm isir summit f’nofs Marzu.

Numru ta’ gazzetti Taljani, fosthom il-Corriere della Sera, La Repubblica u La Stampa, kienu qalu, qabel, li Di Maio ma ħassux aktar kapaċi li jlaħħaq mal-pressjoni tad-doveri tal-Gvern u (fl-istess ħin) it-tmexxija tal-M5S minn ġurnata għall-oħra.

Intant, mhux eskluż li r-riżenja ta’ Di Maio — li hu wkoll il-Viċi-Prim Ministru Taljan — minn Kap ta’ Cinque Stelle tista’, ‘il quddiem, tixpruna elezzjoni ġenerali fl-Italja.