Għawdex Lokali

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu takkuża lill-Comino Ferries Co-op li ngħata monopolju

Fi stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija, il-GTA tappella biex Transport Malta terġa tikkunsidra d-direttivi li ħarġet lill-operaturi u s-sidien ta’ opri tal-baħar kummerċjali  permezz ta’ avviż numru 1 tal-2020, u li skont huma qed toħloq monopolju fis-servizz.

L-assoċċjazzjoni qalet li d-direttivi huma diskriminatorji ma’ ħafna operaturi bbażati Għawdex.

L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li minbarra mill-monopolju fis-servizz, l-operatur li ngħata dan il-monopolju, ingħata wkoll l-użu esklussiv tal-mollijiet fiċ-Ċirkewwa, il-Marfa u madwar Kemmuna. Dawn il-mollijiet ġew dikjarati bħala zoni ta’ priorità għat-trakkar għal dan l-operatur waħdieni. Dan il-fatt se jħarbat l-operat tas-servizz normali tal-opearturi l-oħra.

Intant b’risposta għal dan, il-Comino Ferries Co-op, li huwa l-operatur magħżul għal dan is-servizz wara li kien l-uniku wieħed li tefa’ l-offerta tiegħu għal dan it-tender, qal li s-servizz sal-lum kien wieħed erratiku u li ma tistax torbot fuqu u li l-operaturi kollha kellhom l-opportunità  jagħmlu l-offerta tagħhom, iżda ħadd minnhom ma għażel li jagħmel dan.

L-istess koperattiva qalet li hi intrabtet li tuża opri tal-baħar ġodda, iżżomm ma’ skeda fissa, iżżid il-frekwenza tas-servizz, ittawwal il-ħin tas-servizz fis-sajf mis-6.00pm sat-8.00pm, u t-twessigħ tas-servizz biex jopera lejn il-bajja ta’ Santa Maria minbarra l-Blue lagoon.