Ambjent Lokali

L-infurzar tal-liġijiet ambjentali għandu jibqa’ taħt il-Ministeru tal-Ambjent, u jingħata prijorità – BirdLife Malta

BirdLife Malta lesta taħdem mal-Ministri l-ġodda tal-Kabinett, preokkupata dwar it-triq ’il quddiem

BirdLife Malta tixtieq tawgura lil Anton Refalo u lil Aaron Farrugia għall-ħatriet riċenti tagħhom fil-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela.

Filwaqt li għadu mhux ċar liema ministeru se jkollu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-konservazzjoni u l-ħarsien tal-għasafar, il-bijodiversità u l-ambjent naturali, BirdLife Malta temmen li dawn għandhom jibqgħu taħt il-Ministeru tal-Ambjent, u diġà esprimiet il-preokkupazzjonijiet tagħha fuq it-triq ’il quddiem fl-ambitu tal-obbligi u rresponsabbilitajiet Ewropej u internazzjonali ta’ Malta.

Huwa kruċjali li l-infurzar tal-liġijiet ambjentali, inkluż il-liġijiet dwar l-għasafar, jingħata prijorità sabiex jiġu mrażżna l-illegalitajiet kontinwi li baqgħu jiżdiedu mingħajr l-ebda infurzar effettiv għal dawn l-aħħar snin.

Statistika li għandha f’idejha BirdLife Malta turi xejra li qed tiżdied fin-numru ta’ tajr protett li jinqatel illegalment. Għal dawn l-aħħar snin BirdLife Malta  sejjħet għat-twaqqif ta’ Wildlife Crime Unit kif suppost fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta biex jiffoka fuq dawn it-tip ta’ reati kriminali flimkien ma’ taqsima għall-infurzar fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent. Din is-sejħa sabet qbil unanimu fil-Kumitat ORNIS.

BirdLife Malta fakkret lill-Kabinett tal-Gvern li għadu kif inħatar, illi Malta bħala pajjiż tal-UE għandha diversi obbligi u impenji li trid tonora, fosthom id-Direttivi Ewropej tal-Għasafar u l-Ħabitati, flimkien ma’ sentenzi tal-Qorti Ewropea u Proċeduri ta’ Ksur li hemm fis-seħħ kontra Malta. Ksur addizzjonali ta’ dawn l-obbligi ma jista’ jkun bl-ebda mod iġġustifikat, u jkun att irresponsabbli.

Punt ieħor importanti hija l-ħtieġa li jkun evitat li jiġu appuntati persuni preġudikati bħala konsulenti jew uffiċjali f’taqsimiet jew dipartimenti li suppost għandhom l-iskop li jħarsu l-flora u l-fawna naturali f’pajjiżna.  L- ebda uffiċjal m’għandu jkollu xi affiljazzjoni ma’ NGOs ħalli jkunu evitati kunflitti ta’ interess u sabiex tingħata lura l-kredibbiltà meħtieġa f’oqsma fejn, illum, ftit li xejn għadha teżisti.

L-aħħar preokkupazzjoni ta’ BirdLife Malta hija dwar il-fatt li Malta u Għawdex għandhom bżonn aktar zoni protetti u l-pajjiż jeħtieġ li jħares il-ftit spazji naturali li fadallu. Malta – l-aktar pajjiż mibni fl-UE – trid tiżgura li fir-rigward ta’ zoni protetti bħal dawn tingħata prijorità lill-bijodiversità, għattgawdija tal-pubbliku.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qali li “m’għandhomx jingħataw aktar artijiet biex jintużaw bħala santwarji tal-kaċċa b’mod speċjali minħabba li s-soċjetà tagħna diġà tipprovdi l-privileġġ lil eluf ta’ kaċċaturi biex iduru fil-kampanja, fost l-oħrajn f’zoni Natura 2000, bis-senter ikkargat għal aktar minn tmien xhur fis-sena.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Il-fjuri, is-siġar, l-għasafar, l-għadajjar u l-bijodiversità f’kull ħabitat naturali huma l-ftit elementi li s-soċjetà Maltija għadha tista’ tgawdi fiż-żminijiet tal-lum, mingħajr ħlas. Il-Gvern għandu obbligu soċjali li jħares dan. Illum aktar minn qatt qabel, il-poplu ta’ Malta u Għawdex qed isemma’ leħnu fuq il-ħtieġa li nħarsu l-ambjent u li nħallu lil kulħadd fil-libertà li jgawdih mingħajr ma jeqirdu, joqtlu jew itellef l-opportunità lill-oħrajn li jgawduh. BirdLife Malta ħadmet għal 58 sena sħaħ għal dan il-għan u lesta tkompli tikkollabora mal-imsieħba kollha għall-benefiċċju tal-ġid komuni.”