Internazzjonali

L-Iran ‘qatt mhu beħsiebu jipprova’ għall-armi nukleari…

Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, qal  li pajjiżu mhu se jfittex qatt li jipproduċi l-armamenti nukleari, ‘sewwa jekk ikun hemm ftehim nukleari u sewwa jekk dan il-ftehim ma jkunx irrealizzat’. Dan waqt li Rouhani talab lill-Istati tal-Ewropa ‘biex jevitaw l-iżball’ tal-Istati Uniti li ‘kissret’ il-ftehim nukleari storiku li l-Istat Iżlamiku laħaq mal-potenzi tad-dinja fl-2015.

Il-messaġġ irrappurtat mill-websajt ta’ Rouhani jgħid li: ‘l-Iran qatt ma pprova jikseb l-armi nukleari u li dan mgħandux isir, irrispettivament minn jekk ikunx hemm ftehim jew le….Intant, il-potenzi tal-Ewropa għandhom ikunu responsabbli għall-konsegwenzi ta’ aġir li jista’ jabbuża dan il-patt’.

Mindu l-Istati Uniti rtirat mill-ftehim nukleari storiku, fl-2018, l-Iran beda jmur lura mill-impenji tiegħu relatati mal-istess ftehim. Dan meta l-Istat fundamentalista qiegħed iħoss il-piż tas-sanzjonijiet li reġgħu kienu impost fuqu minn Washington.

Intant, Rouhani tenna li l-Iran jibqa’ impenjat favur il-ftehim u anki kapaċi jirrispetta mill-ġdid il-patt li tbiegħed minnu, f’każ li l-partijiet l-oħra jżommu mal-obbligi tagħhom.