Lokali

Malta m’għadhiex meqjusa bħala demokrazija sħiħa – The Economist

Grazzi għall-Gvern ta’ Joseph Muscat, pajjiżna m’għadux meqjus bħala demokrazija sħiħa. L-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar xhur wasslu biex Malta niżlet minn demokrazija sħiħa għal demokrazija difettuża.

Dan joħroġ mill-aħħar edizzjoni tal-Indiċi Dinji tad-Demokrazija miġbur mill-Economist Intelligence Unit.

Malta minn dejjem kienet fl-aħjar kategorija: dik ta’ demokrazijia sħiħa, sa mill-bidu ta’ dan l-Indiċi fl-2006. Iżda fl-2019, taħt it-tmexxija ta’ Muscat, Malta kienet l-uniku pajjiż li niżel mill-kategorija ta’ demokrazija sħiħa għal demokrazija difettuża.

Skont ir-riċerkaturi, demokraziji difettużi huma dawk li għalkemm ikollhom elezzjonijiet ħielsa u l-libertajiet ċivili bażiċi rispettati, ikollhom xi nuqqasijiet oħrajn, bħal nuqqasijiet fil-libertà tal-istampa.

Fil-każ ta’ Malta, ir-riċerkaturi qalu li dan ir-riżultat kien dovut għal nuqqasijiet fis-Saltna tad-Dritt u sistema inadekwata ta’ ‘checks and balances’.

L-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-mod difettuż ta’ kif tmexxiet l-investigazzjoni esponew difetti fundamentali fl-ambjent politiku u istituzzjonali tal-pajjiż.

Fatturi oħrajn huma l-korruzzjoni, li jidher li tlaħħaq sal-ogħla livelli tal-Gvern, kif ukoll l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti, li wasslet għal rabtiet korrotti bejn il-kummerċ, il-finanzi u l-politika fil-pajjiż.

Dan l-indiċi ikejjel diversi fatturi ta’ x’jagħmlu pajjiż demokrazija b’saħħitha, fosthom il-proċess elettorali, il-pluraliżmu, kif jiffunzjona l-Gvern tal-ġurnata, il-libertajiet ċivili, il-parteċipazzjoni politika u l-kultura politika fil-pajjiż.

Meta dawn jitqiesu flimkien, ir-riżultat finali jpoġġi lill-pajjiż partikolari f’erba’ kategoriji.

Demokrazija sħiħa: din hi l-ogħla kategorija fl-Indiċi. Pajjiżi f’din il-kategorija mhux biss jirrispettaw il-libertajiet politiċi fondamentali u d-drittijiet ċivili, iżda l-istess prinċipji huma inforzati f’kultura politika li għandha l-għeruq tagħha fi prinċipji demokratiċi. Dawn għandhom sistemi validi ta’ ‘checks and balances’, ġudikatura u istituzzjonijiet indipendenti, kif ukoll media indipendenti. Sa qabel is-sena li għaddiet, Malta kienet tgħodd ma’ dawn il-pajjiżi, hekk kif fl-2019, kien hemm 25 pajjiż b’demokrazija sħiħa.

Demokrazija difettuża: dawn huma pajjiżi fejn l-elezzjonijiet huma ħielsa u l-libertajiet ċivili huma rispettati, iżda jkun hemm oqsma fejn il-pajjiż ikollu nuqqasijiet sinjifikanti. Ġeneralment, dawn ikunu governanza dgħajfa u nuqqasijiet fejn jidħlu l-libertà tal-istampa. Fl-2019, 50 pajjiż spiċċaw f’din il-kategorija, fosthom Malta, Hong Kong, il-Panama u l-Korea ta’ Isfel.

Iż-żewġ kategoriji l-oħra huma reġimi ibridi u reġimi awtoritarji. F’dawn il-kategoriji, l-elezzjonijiet ikunu mifnija b’ħafna irregolaritajiet jew neqsin għalkollox, bi gvernijiet ipoġġu pressjoni fuq l-avversarji politiċi, filwaqt li l-ġudikatura u l-media ma jkunux indipendenti. Fl-2019, 92 pajjiż spiċċaw f’dawn iż-żewġ kategorija, bl-aħħar post tal-indiċi, meqjus bħala l-iktar reġim awtoritarju fid-dinja, hemm il-Korea ta’ Fuq.