Sport Waterpolo

Malta ttemm fis-16-il post tal-Kampjonat Ewropew għat-tieni edizzjoni konsekuttiva

Rapport: Stewart Said

MALTA……………….  9

OLANDA……………. 19

(2-5), (2-5), (2-4), (3-5)

Għat-tieni edizzjoni konsekuttiva, Malta spiċċat il-Kampjonat Ewropew fis-16-il post wara telfa ta’ 19-9 kontra l-Olanda. L-għan prinċipali f’din l-edizzjoni kienet li Malta tirbaħ kontra t-Turkija fil-fażi tal-gruppi biex tispiċċa mal-aqwa 12. Meta dan ma seħħx, kien mistenni li Malta ttemm f’din il-pożizzjoni minħabba s-saħħa tal-kumplament tat-timijiet.

Fil-ġurnata, it-tim Malti prova dak li seta’ iżda kienet biss it-tattika li jintlagħab il-ballun fuq Stevie Camilleri li ħalliet il-frott hekk kif il-captain Malti skorja ħames gowls, bix-xuttijiet tajbin tipiċi tiegħu. Fis-centre, it-tim Malti ma kienx b’saħħtu biżżejjed u fil-man-ups ġew skorjati tlieta minn sitt okkażjonijiet.

L-Olanda rnexxielha tikseb erba’ gowls vantaġġ fl-ewwel sessjoni permezz doppjetta ta’ Jesse Koopman, Lars Gottemaker u penalty ta’ Robin Lindhout b’żewġ minuti u 20 sekonda għat-tmiem tas-sessjoni. Reazzjoni tat-tim Malti li skorja żewġ gowls minn man-up permezz ta’ Stevie Camilleri u Matthew Zammit. Iżda fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni t-tim Malti nqabad, b’Koopman jagħmel l-iskor 5-2 b’xutt fuq l-ewwel lasta.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti naqqas id-distakk għal żewġ gowls b’man-up skorjat minn Stevie Camilleri wara żewġ minuti. Iżda f’temp ta’ ftit aktar minn minuta u nofs, l-Olanda skorjat erba’ darbiet minn tliet kontrattakki u kontrattakk ta’ Lars Gottemaker, gowls li ftit minnhom setgħu ġew evitati. Stevie Camilleri naqqas id-distakk għal 9-4 b’xutt mis-sitt metri iżda ftit wara Guus van Ijperen kabbar il-vantaġġ għal sitt gowls.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess anki fit-tielet sessjoni. Ben Plumpton irnexxielu jiskorja b’xutt sabiħ mid-distanza iżda fl-azzjoni sussegwenti Guus van Ijperen skorja minn man-up u Robin Lindhout kabbar il-vantaġġ għal 11-5 minn kontrattakk. San van der Burg skorja wkoll minn man-up filwaqt li van Ijperen skorja gowl sabiħ mis-centre. Matthew Zammit skorja t-tieni gowl personali u s-sitt wieħed għal Malta bi ġmiel ta’ backhand.

Malta skorjat ukoll l-ewwel fl-aħħar sessjoni permezz ta’ Camilleri iżda mill-ewwel Robin Lindhout wieġed għall-Olandiżi. Camilleri falla penalty għal Malta u mill-attakk sussegwenti Jesse Nispeling qabbeż fuq Alan Borg Cole. Koopman għamel l-iskor 17-7 u ftit wara Stevie Camilleri skorja b’xutt ieħor sabiħ. Van Ijperen skorja s-sitt gowl tiegħu f’kontrattakk, Ben Plumpton naqqas id-distakk b’xutt sabiħ għar-rokna minn kontrattakk, b’Nispeling jagħmel l-iskor finali 19-9 mis-sitt metri fl-attakk ta’ wara.

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta, A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit (2), S. Camilleri (5), J. Camilleri, J. Abela, A. Cousin, B. Plumpton (2), Di. Zammit, A. Borg Cole

Olanda: E. Wagenaar, K. Veenhuis, J. Winkelhorst, S. van der Burg (1), G. van Ijperen (6), R. Lindhout (3), L. Gottemaker (2), J. Nispeling (2), H. Muller, P. Janssen, J. Koopman (4), T. Lucas (1), T. Huijsmans

Referees: Robert Tiozzo (Kroazja), Levan Berishvili (Georgia)