Lokali

Pass ‘il quddiem għall-paċi fil-Libja – il-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista innota l-fatt li l-laqgħa li saret fil-jiem li għaddew f’Berlin biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fil-Libja rreġistrat numru ta’ punti ta’ qbil. It-12-il pajjiż li attendew qablu fuq dokument ta’ 55 punt, fejn prinċipalment hemm il-qbil fuq waqfien mill-ġlied bejn l-forzi militari kif ukoll biex ma jkunx hemm aktar armi li jiġu importati fil-pajjiż.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu pass ‘il quddiem biex il-partijiet, bl-għajnuna tal-Komunità Ewropea u Internazzjonali, jaslu għal ftehim li jwassal lill-pajjiż lura għall-paċi u bidu ta’ proċess lejn id-demokrazija.

Kien ikun ferm aħjar li kieku ma konniex fiċ-ċirkostanzi koroh preżenti u pajjiżna kien ukoll mistieden biex ikun parti minn dik il-laqgħa. Il-Partit Nazzjonalista ma jemminx li l-vjolenza u l-użu tal-armamenti militari se jwasslu għal xi soluzzjoni għax dawn iġibu biss qerda u jneħħu minn fuq il-mejda l-użu tar-raġuni.

Għalhekk, hi t-tama tal-Partit Nazzjonalista li dan il-ftehim jiġi sostnut sew mill-Gvern ta’ pajjiżna, kif ukoll li jiġi implimentat bis-sħiħ mill-partijiet kollha u ma jkunx hemm min jipprova joħroġ mill-qafas tiegħu.