Kunsilli Lokali Lokali

Rabja fil-Birgu wara li nħarġet mill-ġdid platform quddiem il-Każin Laburista

Rabja fost ir-residenti u anke l-Kunsill Laburista tal-Birgu għall-mod kif reġgħet ġiet armata platform quddiem il-Każin Laburista tal-lokalità u li wasslet biex il-karozzi tal-linja bilkemm qed ikunu jistgħu jduru.

Din is-sitwazzjoni kienet diġà tqajjmet ftit tal-ġimgħat jew xhur ilu, bil-Kumitat Lokali Laburista għażel li jneħħi l-platform minħabba l-kritika li kien qed jiffaċċja. Madankollu, jidher li b’xi mod reġa’ nħareġ il-permess biex il-platform titqiegħed f’postha u allura reġgħu tfaċċaw il-problemi.

Wara d-diversi rapporti mir-residenti u dawk li jużaw din iż-żona, partikolarment bit-trasport pubbliku, is-Sindku Laburista tal-Birgu John Boxall ma kellux għażla oħra ħlief li jikteb ittra diretta liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku fi ħdan Transport Malta (ritratti isfel) biex jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu u tal-Kunsill għall-fatt li nħareġ il-permess biex il-platform terġa’ tintrama’.

Is-Sindku Laburista temm li, fl-interess tar-residenti kollha tal-Birgu, il-Kunsill Lokali qabel li jitlob lil Transport Malta tirrevedi d-deċiżjoni u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ifittex jitwaqqaf dan l-inkonvenjent ikkawżat mill-Każin Laburista tal-lokalità.