Lokali

Robert Abela għandu jaċċetta l-proposta tal-PN – Adrian Delia

B’reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru waqt li kien intervistat fil-Belt Valletta fir-rigward tal-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li “Jekk Robert Abela jixtieq jirranġa dan ir-riżultat diżastruż, jista’ jibda billi jaċċetta l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-kummissarju jinħatar bil-fiduċja ta’ żewġ terzi tal-kamra.”

Adrian Delia kien qed jirreferi għar-riżultat li ħareġ mill-aħħar edizzjoni tal-Indiċi Dinji tad-Demokrazija miġbur mill-Economist Intelligence Unit fejn pajjiżna m’għadux meqjus bħala demokrazija sħiħa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li biex dan ir-riżultat ikrah għal Malta jibda jittranġa, il-Prim Ministru għandu jaqbel mal-proposta tal-Oppożizzjoni biex il-Kummissarju tal-Pulizija jintgħażel minn żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti u mhux mill-Prim Ministru nnifsu.