Lokali Qorti

Tewmin Bormliżi aħwa mixlijin bi tliet ‘hold ups’ u żewġ serqiet

Żewġ Bormliżi aħwa ġew mixlija li bejn lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2019 u dan ix-xahar wettqu ħames serqiet, li kienu jikkonsistu fi tliet hold-ups u żewġ serqiet minn fuq żewġ nisa anzjani. Huma baqgħu miżmumin taħt arrest preventiv.

Paul u Roderick Scicluna ta’ 40 sena ġew mixlija li bejn it-28 ta’ Diċembru 2019 u t-18 ta’ Jannar 2020 huwa wettqu tliet hold-ups bl-armi, u attakk vjolenti fuq żewġ nisa anzjani.

Huma ġew mixlija wkoll li ppruvaw jiġbdu l-flus iżda ma rnexxielhomx minn żewġ karti ta’ krediti, mhux propjetà tagħhom. Wieħed mill-aħwa juża l-krozzi, minħabba problemi fiżiċi li għandu. Huma ġew mixlijin ukoll li saqu karozza bla liċenzja.

Sadanittant Paul Scicluna, kien mixli separatament, li fi tliet okkażjonijiet issekwestra persuni kontra l-volontà tagħhom, u li ġarr fuqu arma bla liċenzja, u li sar ukoll reċediv.

L-Ispettur Fabian Fleri spjega fil-Qorti kif l-investigaturi f’dan il-każ għall-ewwel stħarrġu r-reati ta’ żewġ serqiet bl-armi fuq banka tal-lottu f’perjodu ta’ 10 t’ijiem, aktar kmieni dan ix-xahar.

Filmati mis-CCTV mix-xena tar-reat urew li kienet qed tintuża karozza Volkwagen Golf bil-pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ Roderick Scicluna. Din l-evidenza tagħat dawl għall-investigazzjoni fuq żewġ inċidenti li seħħew fl-10 ta’ Jannar.

L-ewwel kien l-involviment ta’ anzjana ta’ 77 sena minn Ħal Tarxien, li serqulha l-handbag għall-ħabta tal-9.45am. Ftit anqas minn siegħa wara, anzjana ta’ 82 sena, għaddiet mill-istess esperjenza qarsa f’Raħal Ġdid.
Ftit tal-ħin wara, t-tewmien allegatament, ippruvaw jiġbdu xi flus mill-ATM minn bank fiż-Żejtun, minn card li kienet instabet f’wieħed mill-handbags tal-anzjani.

Id-deskrizzjoni ta’ wieħed mill-ħallelin, qalet il-Prosekuzzjoni qablet ma’ dak li kien żamm anzjan ta’ 87 sena, f’garaxx fiż-Żejtun fejn kienet tpoġġiet ukoll sikkina ma’ għonqu, liema każ kien seħħ fit-28 ta’ Diċembru għall-ħabta tas-6.15pm. bil-ħalliel jisraq madwar 200 ewro fi flus kontanti.

L-Avukat Carm Mifsud Bonnici li deher għat-tewmien ma għamel l-ebda talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju, iżda talab lill-Qorti biex l-akkużati jingħataw l-għajnuna neċċessarja minħabba l-problema tal-vizzju tad-droga li għandhom. L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Paul Camilleri mexxew il-Prosekuzzjoni.