Il-mewt tal-kantant Prince: Jitwarrbu
Fl-Istati Uniti, twarrbu r-rikorsi li ressqet il-familja tal-kantant Prince kontra t-tabib li kien ordnalu l-mediċina għall-uġigħ — kif ukoll kontra l-ispiżerija li ssupplixxiet din il-mediċina. L-akkużi kienu tressqu erba’ snin ilu u wara li l-kantant ta’ ‘Purple Rain’, li kellu 57 sena, miet b’overdose aċċidentali tal-painkiller fentanyl waqt li kien fid-dar tiegħu f’Minneapolis.
Il-każi ta’ dan it-tip (li jirreferu għalihom bħala ‘wrongful death’) is-soltu jitwarrbu ladarba l-partijiet involuti jaslu għal forma ta’ ftehim. Intant, dawn it-tipi ta’ ftehim spiss jibqgħu kunfidenzjali, b’avukat li qed jieħu ħsieb il-proprjetà ta’ Prince isostni li ma setax jikkummenta dwar ir-raġuni għalfejn waqgħu l-każi msemmija.
Fl-istess ħin, twaqqgħu l-akkużi kontra l-kumpannija tal-ispiżeriji, Walgreens, u t-tabib, Michael Schulenberg, li kien tratta lil Prince fil-ġimgħat qabel mewtu. Il-familja tal-kantant kienu qalu li ‘nuqqasijiet’ fit-trattament tat-tabib lagħbu ‘parti sostanzjali’ fil-mewt ta’ Prince – bit-tabib jiċħad li kien ħati ta’ negliġenza jew xi nuqqas f’xogħolu.
Twaqqa’ ukoll każ li tressaq fil-konfront ta’ Trinity Medical Center, f’Illinois, fejn Prince kien trattat għal overdose ta’ droga fil-ġimgħa qabel miet.
Wara l-mewt ta’ Prince, investigazzjoni żvelat li l-kantant-mużiċista kien ilu s-snin ibati mill-uġigħ, bi tfittxija sussegwenti fid-dar tiegħu tiżvela mijiet ta’ painkillers ta’ diversi tipi. Sar magħruf ukoll li minflok il-mediċina Vicodin, il-kantant kien qed jieħu pilloli tal-Vicodin ‘foloz’ li kienu jinkludu elementi ta’ fentanyl li kapaċi jkollhom effett letali.
Il-prosekuturi qalu, intant, li ma kienx hemm il-provi li l-pilloli ngħataw lil Prince fuq preskrizzjoni ta’ tabib. Fl-ebda żmien ma tressqu akkużi kriminali relatati għall-mewt tal-kantant u s-sors tal-pilloli inkwistjoni baqa’ mhux magħruf.
Fil-każ ta’ Prince fadal biss li jinstama’ każ dwar negliġenza kriminali kontra t-tabib Howard Kornfeld, speċjalista li jittratta lill-persuni bil-vizzju tal-opioids u li kien ikkuntattjat mill-istaff tal-kantant, fil-jum qabel mewtu.
Dan it-tabib, dak iż-żmien kien bagħat lil ibnu lejn Minneapolis biex jiddiskuti t-trattament meħtieġ iżda kien diġà tard wisq. Għalkemm l-akkuża partikulari kienet twarrbet minn magistrat f’Settembru li għadda, il-familja ta’ Prince appellat kontra d-deċiżjoni.
//= $special ?>