Lokali

AWDJO: Roderick Galdes jgħid li f’Malta m’hawnx problema ta’ housing

“M’għandniex problema kbira ta’ housing” – din kienet l-istqarrija li għamel il-Ministru tal-Housing Roderick Galdes meta l-Erbgha kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.

Iżda diversi persuni li ċemplu tul il-programm fissru bl-aktar mod ċar li dan mhux minnu, u li fil-Housing hemm problemi kbar. Wieħed mis-semmiegħa saħansitra nstema’ jolfoq biex jispjega s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu.

Fil-bidu tal-programm, Roderick Galdes beda b’din l-istqarrija fejn ammetta li s-settur tal-housing ma kienx qed jingħata importanza mill-Gvern tal-Lejber.

Fl-aħħar xhur rajna l-problema tal-housing tinbidel fi kriżi, fejn numru ta’ nies, anki fl-eqqel tax-xitwa, ma kellhomx għażla oħra għajr li jorqdu barra, jorqdu fil-garaxxijiet, jew jorqdu fil-karozzi tagħhom.

Din il-problema torbot ukoll mas-sitwazzjoni dejjem aktar gravi tal-faqar f’pajjiżna.

F’Ottubru li għadda statistika tal-Eurostat uriet biċ-ċar li mad-90,000 persuna f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar.