Internazzjonali

Awstralja: Imut l-ekwipaġġ ta’ ajruplan fil-battalji man-nirien

Ajruplan – air tanker – b’ekwipaġġ ta’ tliet Amerikani ġġarraf waqt li kien qed jinvolvi ruħu fl-isforzi lejn it-trażżin tan-nirien qalb foresta fir-reġjun tas-Snowy Mountains, fi New South Wales u bir-riżultat li mietu n-nies kollha ta’ fuqu.

L-Uffiċjali kienu tilfu kuntatt mal-ajruplan, tat-tip C-130 Hercules, ftit qabel l-inċident li l-kaġun tiegħu baqa’ mhux magħruf.

Dan meta l-awtoritajiet fi New South Wales għadhom qed jikkumbattu ‘il fuq minn 80 nar kbir li qegħdin jaqbdu madwar l-Istat.

Fl-aħħar sigħat, irwiefen f’din iz-zona dehru li ħadu saħħa ġdida u fejn kienu qed iferrxu l-fjammi f’direzzjonijiet ġodda.

L-awtoritajiet, intant,  ikkonfermaw li l-ajruplan inqered ‘u sploda f’ballun ta’ nirien’ f’inħawi dikjarati bħala active fire zone lejn in-nofsinar ta’ Canberra.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison u l-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian, it-tnejn bagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tal-Amerikani li tilfu ħajjithom fl-inċident.

Sadanittant, Gladys Berejiklian, fil-kummenti tagħha wara l-inċident, qalet li ‘din it-traġedja wriet li l-istaġun tan-nirien fl-Awstralja ‘huwa ‘il bogħod milli mitmum’.

Fil-fatt, in-nirien li qabdu fin-nofsinar tal-Awstralja mistennija jilħqu l-massimu tal-intensità matul ix-xahar id-dieħel, waqt li jkomplu għaddejjn sa, almenu, April.