Lokali

ĊAMATA GĦAL ROBERT ABELA: Konferma li kollox se jibqa’ f’idejn il-Prim Ministru

L-Imħallef Irtirat Giovanni Bonello insista li bil-mudell li propona l-Prim Ministru għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, “kollox se jibqa’ eżatt l-istess”.

L-Imħallef Bonello stqarr dan f’kummenti lill-gazzetta The Malta Independent; kummenti simili għal dak li stqarr fit-Times il-Professur Kevin Aquilina.

Bonello minn naħa tiegħu qed jinsisti li bil-mudell ta’ Robert Abela, xorta se jkun il-Prim Ministru li jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija, avolja fl-apparenza jaf jidher li Abela qed inaqqas mill-poteri li kellu sa issa.

“Il-fattur determinanti fl-għażla se jibqa’ ibbażat fuq kemm il-Prim Ministru għandu rieda tajba”, sostna l-Imħallef Bonello.

Hu jkompli billi jgħid li hija illużjoni meta wieħed jaħseb li jeżisti mudell perfett għal ħatra ta’ Kummissarju. Filwaqt illi jinsisti li fl-aħħar mill-aħħar, li jgħodd hu min se jħaddem din is-sistema; mudell tajjeb f’idejn nies korrotti xorta mhux se jaħdem, jgħid l-Imħallef Giovanni Bonello fil-kummenti tiegħu.