Lokali

Il-ħatra bil-mudell taż-żewġ terzi hija aħjar mill-mudell tal-Gvern – Kevin Aquilina

Il-Professur Aquilina jikkritika numru ta’ nuqqasijiet li fih il-mudell propost minn Robert Abela

L-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija m’għandu qatt ikun politiċizzat. Inqas ma jkun hemm indħil mill-Gvern, il-proċess ikun wieħed iktar ġust. U huwa propju għalhekk li l-proposta li l-għażla tal-Kummissarju ssir bi qbil bejn żewġ terzi tal-Deputati….kif qed tipproponi l-Oppozizzjoni… hija proposta ahjar milli jkollok ghazla mill-Prim Ministru.

Sostna dan Kevin Aquilina, Professur fil-Fakulta’ tal-Ligi fl-Università ta’ Malta, f’artiklu fit-Times of Malta.

Aquilina jinsisti li l-miżuri proposti mill-Gvern dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija għandhom ikunu kkonfermati mill-Kummissjoni Venezja.

Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li dak li qed jipproponi l-Prim Ministru Robet Abela  huwa konformi ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Venezja…. ħlief għal dik il-parti fejn Abela qal li se jirrinunzja għall-veto.  Jekk il-Prim Ministru jiddeċiedi li jagħżel lill-kandidat li jkun ġie t-tieni, awtomatikament ikun qed imur kontra dak li ġie deċiż fil-Public Service Commission. F’kelma waħda ikun uża l-veto xorta waħda…. kontra l-kandidat li ġie l-ewwel.

Li ma jintużax il-veto għandu jfisser li l-Prim Ministru jaċċetta l-għażla tal-kandidat magħżul mill-Kummissjoni…. u ghandu jippreżenta lill-Kamra tad-Deputati l-kandidat li jkun ġie fl-ewwel post. 

Għalhekk ma jkunx hemm bżonn li Robert Abela jkun preżentat b’żewġ kandidati u jagħżel wieħed minnhom hu…. fejn finalment l-għażla finali se tkun tiegħu biss.

Kevin Aquilina jirrakomanda ċerti proċeduri li għandhom jiġu indirizzati f’dan ir-rigward.

Jirrimarka fost l-ohrajn li l-Kumitat  tal-Ħatriet Pubbliċi mhix entità indipendenti għaliex il-Gvern għandu l-maġġoranza.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja speċifikament kien saħaq li lill-Prim Ministru għandu jitnaqqaslu l-poteri fl-għażla ta’ karigi għolja fil-pajjiż. Għalhekk preferibbilment Abela m’għandux ikun involut f’dan il-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju ġdid.

Kevin Aquilina kiteb li m’hemm l-ebda trasparenza f’dan il-proċess. Dan għaliex jidher li l-Membri Parlamentari mhux se jkunu jafu min miż-żewġ kandidati ġie l-ewwel u x’se tkun ir-raġuni għala l-Prim Ministru għażel kanditat u mhux ieħor. Għalhekk il-vot tagħhom mhu se jkollu l-ebda saħħa.

Finalment …peress li l-Gvern għandu maġġoranta f’kull Kumitat Parlamentari, huwa evidenti li l-Kummissarju se jkun magħżul  mill-Gvern.