Lokali

Il-proposta ta’ Abela tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja – Jason Azzopardi

Dikjarazzjoni ċara mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi meta kien qed jiġi intervista minn Robert Cremona waqt il-programm Net Live.

Jason Azzopardi saħaq li jekk il-Prim Ministru huwa tant konvint li għandu raġun, għandu jibgħat il-proposta tiegħu u dik tal-Oppożizzjoni lill-Kummissjoni Venezja…. u tkun hi li tiddeċiedi liema waħda hija skont l-istandards tal-istess Kummissjoni. Huwa qal li l-għażla mhux vera li se tkun tal-Parlament.. l-għażla se tkun tal-Prim Ministru nnifsu.

Azzopardi fakkar li l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku mhix awtorita indipendenti. Dan għaliex ic-chairman huwa impost mill-Prim Ministru.

Il-Kummissjoni Venezja trid li l-ħatriet tal-ġudikatura, tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali jsiru minn awtorità indipendenti. Għalhekk, b’dan il-mudell ta’ Robert Abela, l-għażla se tibqa’ dejjem kontrollata mill-Partit fil-Gvern… mill-Prim Ministru.

Jason Azzopardi qal li l-proposta tal-Oppożizzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun maħtur bi qbil ta’ żewġ terzi tad-Deputati hija l-iktar waħda li tagħti garanzija ta’ indipendenza.

Konferma ċara ta’ kemm is-sistema taż-żewġ terzi hija effettiva huma l-ħatriet tal-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u  l-Kummissarju għall-Istandards.

Huwa saħaq li bil-metodu li qed jipproponi l-Gvern se tkompli ssir l-ħsara lill-pajjiżna.