Lokali

Investigazzjoni dwar il- kumpanija ta’ Keith Schembri

Il-Gvern qed jindaga offerta ta’ €50,000 mogħtija lill-kumpanija ta’ Keith Schembri, Kasco Limited, ftit jiem biss qabel l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat ittieħdet mill-Pulizija għall-interrogazzjoni fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-offerta in kwistjoni kienet għall-“provvista u konsenja ta’ karta speċjali favur l-ambjent għall-MCAST”, li issa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Owen Bonnici.

Informazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern ikkonfermat li l-kuntratt, li jiswa €50,385 ngħata lill Kasco Limited fit-22 ta’ Novembru tas-sena l-oħra. Erbat ijiem wara, fis-26 ta’ Novembru Keith Schembri rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fiż-żmien kemm dam jaħdem Kastilja, il-kumpanija ta’ Keith Schembri kompliet tirbaħ diversi kuntratti għall-provvista tal-karta għal entitajiet tal-gvern.

Schembri kemm il-darba insista li ma jara l-ebda problema li l-kumpanija tiegħu tirbaħ kuntratti tal-Gvern. Dan għaliex, skont hu, il-qadi ta’ dimirijietu bħala Chief of Staff ta’ Joseph Muscat qatt ma kellu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet tal-Gvern.