Internazzjonali

Ir-Renju Unit eqreb ta’ Brexit –bir-Reġina tagħti l-approvazzjoni rjali

Ir-Reġina Eliżabetta tat l-Approvazzjoni Irjali għal Brexit li jfisser li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea issa għadda bħala liġi.

Il-Viċi-Speaker Nigel Adams ħabbar din l-aħbar illum, fil-House of Commons — bl-hekk-imsejjaħ Royal Assent jaċċerta l-formalità ta’ Brexit, erba’ snin wara li l-Britanniċi kienu vvutaw biex iħallu l-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, l-abbozz — il-Withdrawal Agreement — xorta jeħtieġ ir-ratifika tal-Parlament Ewropew, permezz ta’ vot li għandu jittieħed nhar l-Erbgħa.

Fl-istess ħin, il-fatt li l-Parlament Britanniku ma aċċetta l-ebda emenda għall-Withdrawal Agreement li l-House of Lords (magħmul mill-membri mhumiex eletti) kien ipprova jorbot mal-abbozz jitqies bħala trijonf ieħor għall-Prim Ministru Boris Johnson.

Dan waqt li Johnson qed jinsisti li l-pajjiż kollu ‘issa jista’ jimxi ‘il quddiem bħala Renju Unit magħqud.’

Ladarba l-abbozz ikun ratifikat mill-Ewropej, Boris Johnson għandu jibda taħditiet kruċjali dwar il-kummerċ kemm mal-UE kif ukoll mal-Istati Uniti.

Madankollu, l-UE qed iżżomm lura milli tiffissa żmien u programm preċiż għat-taħditiet kummerċjali ma’ Londra waqt li qed tgħid li kapaċi ddum sa Marzu sakemm tfassal il-pjani tagħha għal dak li trid.