Il-Mexxejja tad-Dinja ltaqgħu f’Ġerusalemm għall-75 anniversarju tal-liberazzjoni tal-kamp tal-mewt ta’ Auschwitz mit-tmexxija tan-Nażisti li, dak iż-żmien, kienu qegħdin jokkupaw il-Polonja. Auschwitz kien ‘it-teatru’ għal waħda mill-akbar traġedji umani li qatt rat id-dinja u fejn ‘il fuq minn miljun persuna, fil-parti kbira Lhud, inqatlu min-Nażisti matul is-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija (1939-45).
Sadanittant, il-mexxejja tad-dinja marru f’Ġerusalemm biex, fost oħrajn, juru solidarjetà mal-impenji u l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu li mill-ġdid qed iqajjem rasu f’numru ta’ pajjiżi, inklużi fl-Istati tal-Ewropa.
L-avveniment tat-tifkira għal-Lhud esterminati taħt idejn in-Nażisti kien organizzat fis-sit (mużew tat-tifkira) ta’ Yad Vashem iddedikat lill-vittmi tal-Olokawst.
Qed isiru, fost oħrajn, diskorsi mingħand il-President ta’ Iżrael, Reuvin Rivlin, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, l-President ta’ Franza, u Charles, il-Prinċep ta’ Wales bħala r-rappreżentanti tal-pajjiżi Alleati li għelbu lill-Ġermanja Nażista f’dik il-gwerra storika. Madankollu, il-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier, ukoll ġie mistieden biex jagħmel id-diskors tiegħu, f’Ġerusalemm.
Sadanittant, spikkat l-assenza tal-President tal-Polonja, Andrzej Duda li ma attendiex għall-avveniment bi protesta talli hu ma kienx mistieden biex jagħmel diskors ‘kuntrarju għal kif trattaw ma’ Putin’. Dan meta l-President Pollakk akkuża lil Putin ‘b’li pprova jibdel l-istorja tal-Olokawst u tat-Tieni Gwerra, bil-ħsieb li juri lill-Polonja f’dawl ħażin’.
Putin issuġġerixxa li l-Polonja ‘kienet kompliċi fil-bidu tat-Tieni Gwerra’ u, waqt li ma kkundannax lill-eks dittatur Sovjetiku, Joseph Stalin, dwar il-patt li kien għamel ma’ Hitler (fil-bidu tal-gwerra), il-President Russu rrefera b’mod dispreġjattiv għall-ambaxxatur Pollakk għall-Ġermanja matul is-snin tletin bħala ‘persuna anti-Semitika’.
Il-Prim Ministru tal-Polonja, Mateusz Morawiecki, kien wieġeb b’raba kbira għal dawn il-kummenti u akkuża lil Putin b’gideb dwar il-Polonja ‘u b’li qed jipprova jirrijabilita dittatur bħal Stalin għall-iskopijiet politiċi (tiegħu) tallum’.
Fl-istess ħin, Morawiecki esprima ‘ir-rabja tal-Pollakki’ talli l-President Duda ma kienx inkluż mal-kelliema f’Ġerusalemm u qal li ‘dan in-nuqqas jirrifletti diżrispett lill-Polonja u lill-eroj kollha mit-Tieni Gwerra Dinja’.
Il-Ħames Forum Dinji dwar l-Olokawsthu l-akbar avveniment diplomatiku fl-istorja ta’ Iżrael li għalih attendew ‘il fuq minn 40 mexxejja ta’ Stat/Gvernijiet, fosthom il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence u l-President tal-Ġermanja, Frank-Walter Steinmeier.
Hu ittamat li l-avveniment jgħin għat-tkattir ta’ koalizzjoni globali ta’ mexxejja li jibgħatu messaġġ qawwi li ħadd mhu se jittollera l-anti-Semitiżmu, ‘fil-forom kollha tiegħu’. Huwa wkoll intiż li l-istess messaġġ ta’ ‘tolleranza zero’ ikun indirizzat lil dawk kollha responsabbli – awturi u sostenituri – tal-azzjonijiet anti-Semitiċi.
//= $special ?>