Lokali

L-Amministrazzjoni ta’ Dar San Ġużepp twissi b’riperkussjonijiet legali b’rabta ma’ karru tal-Karnival

Kumpanija tal-Karnival qed taffaċċja theddida ta’ riperkussjonijiet legali jekk karru tal-Karnival ippjanat għal din is-sena jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi.

Il-karru juri lill-Arċisqof Charles Scicluna fl-isfond ta’ żewġ xjaten u l-faċċata ta’ Dar San Ġużepp, u bil-messaġġ ‘Jude’s hell’. Dan b’riferenza għall-każi ta’ abbużi li fil-passat seħħew f’din id-dar, fuq tfal li kienu residenti fiha.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, wieħed mill-persuni li jmexxu din il-kumpanija tal-Karnival tella’ ritratt tal-forma tal-karru u kiteb: “Ħallu t-tfal jiġu għandi”. Dan waqt li żewġ figuri rġiel jidhru j’ommu idejn xulxin f’figura ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

Fi stqarrija, id-Direttur ta’ Dar San Ġużepp, Fr Louis Mallia, iddikjara li l-karru hu wieħed malizzjuż u libelluż, waqt li l-Kongregazzjoni lesta tieħu kull pass legali jekk jibqa’ l-pjan li l-karru jkun parti mill-Karnival.

Kelliem għall-Arċisqof Charles Scicluna ddikjara li l-karru ma jixraqx għal avveniment nazzjonali li għalih jattendu ħafna tfal. Dan waqt li enfasizza l-impenn li l-Arċisqof jibqa’ jistinka għall-promozzjoni tal-protezzjoni tat-tfal.

Jidher li anke l-Gvern qed jieħu pariri legali dwar dan il-karru, waqt li t-tmexxija tal-Karnival mistennija tiltaqa’ biex tiddiskuti din il-kwistjoni.