L-Ark Trijonfali tal-festa ta’ San Publju fil-Floriana, ark li kellu miegħu 120 sena ta’ storja, li iżda sfortunament ingħata n-nar fis-sigħat bikrin tas-27 ta’ April ta’ sena ilu.
Net News, l-għada tal-festa Liturġika ta’ San Publju, żar il-maħżen li fih qed jaħdmu l-aħwa Ġilju u Charles Sacco; iż-żewġ mastrudaxxi li b’responsabbiltà ġew fdati jaħdmu fuq l-Ark Trijonfali l-ġdid tal-Floriana.
Charles spjegalna x’inhu t-tragward tagħhom biex jitlesta dan il-proġett.
“Ħa ndumu bejn sentejn u nofs jew tliet snin, aktar ma naħdmu aktar aħjar, ma nistgħux indumu aktar”
Qalilna wkoll dwar liema hi l-ewwel biċċa li se jaħdmu fuqha. Huwa qalilna li l-ewwel se jaħdmu fuq il-qafas, u wara jibdew jkomplu l-ħidma fuq affarjiet li forsi imma ftit aktar ikkumplikati.
Saqsejnih ukoll jekk meta kienu semgħu li se jaħdmu fuq l-ark, jekk kienux ħasbu li se jaħdmu fuq l-ark il-ġdid ta’ San Publju.
“Għaddietli xi ħaġa minn moħħi… għedt peress li aħna nagħmlu u naħdmu fuq affarjiet tal-festi… allura għand Sacco jiġu…”
Kellimna wkoll lil Ġilju li fisser l-isfida li għandhom biex iżommu mal-pjanta oriġinali. Huwa qalilna li la jkollok fuq xiex timxi rari tiżgara minnu.
Ġilju b’entużjażmu kellimna wkoll fuq dak li ftiehem diġà li se jiġri la darba jintrama l-ark għall-ewwel darba.
“Għall-ewwel sena se jkun qiegħed jintrama fuq l-injam biss, biex b’hekk dawk li jridu japprezzaw l-injam fuq in-natura ikollhom żmien biex jagħmlu dan”
F’Awwissu, Net News kien żvela li l-pjanta oriġinali ta’ Giorgio Cassar kien instabet, kif spjegalna l-Arċipriet tal-Floriana, Dun Charles Cini.
“Dan kellu l-ħsieb li jarmiha, iżda b’koanċidenza nżerta tkellem ma’ persuna oħra li hija Furjaniża u tiffrekwenta l-Knisja… dan wara għamel kuntatt magħna, u tana d-disinn oriġinali, tassew kienet grazzja minn Alla”.
Mill-ġdid reġa’ sar appell għal aktar għajnuna biex jitlesta dan il-proġett, bl-Arċipriet jgħid li l-ispiża hija kbira.
Huwa qal li l-Furjaniżi kollha bħalissa jinsabu fuq ix-xwiek biex jerġgħu jaraw l-Ark jintrama għall-festa maħbuba ta’ San Publju.
//= $special ?>