Lokali Parlament

Mozzjoni kontra r-ruling tal-Ispeaker

Peress li fis-Seduta tal-21ta’ Jannar ingħata Ruling mill-iSpeaker li fih iddeċieda li diskors tad-deputat Jason Azzopardi tal-5 ta’ Jannar fil-Kazin tal-Partit Nazzjonalista f’Hal Tarxien kien fih kliem li kien jammonta għal prima facie ksur ta’ privileġġ, issa l-istess deputat Nazzjonalista preżenta mozzjoni sabiex r-ruling jiġi riveduti.

Fil-mozzjoni li ġiet preżentata llum, Azzopardi jgħid illi huwa aggravat minn tali Ruling għal diversi raġunijiet, kemm ta’ natura fattwali u anke ta’ natura ta’ Liġi, apparti l-implikazzjonijiet serji li dan ir-Ruling għandu fuq l-imminar tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-espressjoni politika f’pajjiżna mill-Membri Parlamentari f’materja ta’ gravità nazzjonali.

Jason Azzopardi jgħid li hu inkonċepibbli li s-Sedja tiċċensura dak li jinkiteb jew jintqal minn Membru Parlamentari barra mill-Kamra, iktar u iktar meta l-liġijiet tal-pajjiż joffru rimedju għal min iħossu malafamat u m’għandux il-faħam miblul.

Azzopardi qed jinsisti li kulma għamel hu, huwa li rrepeta fil-pubbliku dak li ġie rrappurtat kemm-il darba fil-media b’diversi rapporti tal-agir, imgieba u fatti rigward l-istess Chris Cardona fil-kariga Ministerjali li kien jokkupa liema fatti u agir qatt ma ġew miċħuda jew spjegati mill-istess Cardona.

Għalhekk, tgħid il-mozzjoni, il-Kamra għandha taqbel u tirriżolvi li r-Ruling tal-iSpeaker li ngħata fis-Seduta Numru 289 nhar 21 ta’ Jannar dwar diskors pubbliku tad-deputat Jason Azzopardi għandu jiġi rivedut u jsir rapport fuqu mill-Kamra u li dak ir-rapport jitniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra.