Lokali

Partijiet mill-proġett tas-Central Link sospiżi minħabba sejbiet arkeoloġiċi

Infrastructure Malta kienet sfurzata twaqqaf parti mix-xogħol relatat mal-proġett tas-Central Link wara li nstabu fdalijiet arkeoloġiċi.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-fdalijiet imorru lura għal żmien ir-Rumani u aktarx li kienu jservu bħala gandotti għat-tisqija tad-dwieli.

Il-Ħamis filgħodu filfatt fil-post intbagħtu numru ta’ arkeoloġsiti, hekk kif issa jrid jibda proċess delikat li jinvolvi t-tindif bl-idejn tal-fdalijiet… u d-dokumentazzjoni tagħom. Dan fl-istess waqt li l-ħaddiema kienu għadhom qed ineħħu l-ħamrija u materjal ieħor minn partijiet oħra taż-żona agrikola li se tagħmel wisa’ għall-proġett f’Ħ’Attard, u l-madwar.

Fl-aħħar ġimgħat fiż-żona kien hemm sejbiet oħra, fosthom karatteristiċi imnaqqxa fil-blat u li wkoll hu maħsub li għandhom importanza storika.

Kien fil-bidu ta’ dan ix-xahar li l-Gvern Laburista ħabbar li beda x-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link mingħajr ma stenna l-eżitu tal-appell li hemm kontra dan il-proġett.

Dan meta r-residenti u l-bdiewa nvoluti appellaw mid-deċiżjonijiet li jippermettu li dan il-proġett isir. Iżda l-Gvern għażel li jgħaddi romblu minn fuq in-nies …sew jekk huma residenti kif ukoll bdiewa li se jkunu qegħdin jitilfu r-raba tagħhom. Tant hu hekk, li miz-zona diga’ sparixxew u inqerdu numru ta’ sigar.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija dwar dan il-proġett kien iddikjara li se jibqa’ jsegwi x’qed iseħħ u se jibqa’ jżomm lill-Gvern Laburista responsabbli tad-danni li qed jikkawża lill-ambjent u liċ-ċittadini tort ta’ deċiżjonijiet ħżiena li qed jippersisti li jibqa’ jieħu.