Internazzjonali

Russja: Appoġġ ‘inizjali’ għar-riformi politiċi ta’ Putin

Il-Kamra t’Isfel tal-Parlament (Duma) f’Moska tat appoġġ unanimu għall-bidliet kbar kostituzzjonali proposti mill-President tar-Russja, Vladimir Putin. Filwaqt li din għadha ‘fażi inizjali’, kollox jidher ‘miexi ħarir’ fi process li l-osservaturi jemmnu  jista’ ikun tentattiv minn Putin biex jestendi l-influwenza tiegħu fil-pajjiż, ladarba jiskadilu l-mandat tat-tmexxija.

Ir-riformi – żvelati minn Putin ftit tal-jiem ilu – kienu appoġġjati mill-432 deputati involuti fil-vot ġewwa d-Duma. Ħadd ma ivvota kontra jew astjena mill-vot f’din l-assemblea li hi kontrollata mill-Partit għal Russja Magħquda li hu sostenitur tal-President Putin.

Il-bidliet politiċi għandhom, ‘il quddiem, jiftħu beraħ biex Putin iżomm il-poter ladarba jagħlaqlu l-mandat Presidenzjali attwali fl-2024. Dan minkejja li Putin kien qal, fi tmiem il-ġimgħa, li ‘mhux favur is-sistema aċċettata tal-era Sovjetika fejn il-mexxej nazzjonali kien jibqa’ hemm għal għomru’.

Il-Kostituzzjoni tar-Russja ma nbidlet qatt mill-1993 ‘il hawn.

Sadanittant, il-leġislazzjoni għandha, għall-ewwel darba, tikkonferma l-istatus tal-Kunsill tal-Istat (għalissa entità ta’ profil baxx li sservi lil-President fi rwol ta’ konsulenza) fil-Kostituzzjoni tar-Russja. Hemm, intant, il-possibbiltà li jonqsu ftit mill-poteri assoluti tal-President Russu, bil-livell tal-influwenza tal-Parlament jiżdied.

Qabel jidħlu fis-seħħ bħala liġi, l-emendi kostituzzjonali jridu jkunu approvati mid-Duma permezz ta’ żewġ votazzjonijiet oħra. Dan qabel l-emendi jgħaddu mill-vot tal-Kamra ta’ Fuq tal-Parlament u mill-‘eżami’ tal-parlamenti reġjonali. Hu wara dan il-proċess li l-emendi jkunu jistgħu jiġu ffirmati minn Vladimir Putin li għadu ma żvelax x’beħsiebhu jagħmel ladarba jħalli lill-Kremlin.